Tiskanta fil-ħajja kif jinbidlu l-affarijiet. Minkejja li għad għandi sitta u għoxrin sena, nista’ ngħid illi r-Rabat ta’ tfuliti kien xi ftit differenti. Meta jgħaddi ż-żmien kull ma jibqa’ huma memorji, ritratti ta’ tfulitek.
Il-Ġelat ta’ Lola...
Jibqa’ l-aqwa ġelat li qatt ġie prodott fuq il-gżira tat-tlett għoljiet. Il-ġelat ta’ Lola kien uniku. Hemm fi sqaq wara l-knisja ta’ San Ġorġ kien hemm Lola bil-ħanut tal-ġelat. Konna nmorru bi ħġarna. Jiena ġeneralment kont inmur il-Ħadd wara l-quddies tad-disgħa taċ-ċentru, flimkien mal-kuġini u konna nixtru l-ġelat qabel nitilqulha għal għand iz-zija Susan li kienet telqet mill-Kapuċċini u marret toqgħod it-Triq tal-Għajn. Il-ġelat ta’ Lola kien jisgħobik li jispiċċa. Jiena kont skoprejt li din Lola kienet tiġi xi sekondu-kuġina ma nannti – u ħassejtni privileġġjat, li l-aqwa ġelat kien ta’ xi ħadd jiġi minni. Meta darba staqsitni ta’ min jien, u aħna Għawdex għadna kulħadd bil-laqam, dritt ħadtha għal fejn ridt jien. L-affari marret sew ferm, għax il-ġelat tiegħi kiber sew – u l-inkarigu ġdid sabiex nissalda din iż-żieda netta, kien biss illi nwassal it-tislijiet għan-nanna u nerġa’ nwassalhom lura. Lola illum mietet u l-ġelat tagħha telaq magħha – baqa’ biss il-bixra tat-togħma. U x’ħin ngħaddi minn Strada Karita għadni nħares lejn dak il-ħanut b’ żewġ bibien magħluqin. Forsi xi darba terġa tfeġġ Lola...
Ġilardu...
Ġilardu konna ngħajtulu u probabli x’imkien l’hemm kien jismu. Dan Ġilardu kien raġel li qatt ma rajtu jinbidel – dejjem baqa’ xiħ u mkemmex daqs ħarruba u mgħawweġ bil-qorq u bl-ixkora wara dahru. Dejjem iħares u qatt ma jtina espressjoni. U b’ l-istejjer li nħolqu fuqu nimmaġina li għajnu qatt ma waqfet tpetpet. Kien jgħaddi biss mit-triq ta’ wara li għadu jisimha Wied is-Seqer u jiskula l-isfel għal ġol għelieqi sakemm jgħib fl-inħawi fejn aħna konna nilgħabu l-light house…
Il-Light House...
Il-light house kienet logħba favorita tat-tfal tal-inħawi tal-Kapuċċini. Kienet tintlagħab fuq wara tad-djar minn fejn kien jgħaddi Ġilardu, fejn kien kollu għelieqi u fejn illum kważi kollu nbena. Hemmhekk ġo salt għelieqi kollha tiben konna nilgħabu light house, speċi ta’ noli ta’ bil-lejl, kulħadd bit-torċ miegħu, u min jistaħba wara ħajt tas-sejjieħ u min wara qatta tiben u min iktar avventuruż taħt xi pal tal-bajtar, u l-‘aħħ’ tax-xewk kemm il-darba nstema. Illum light house ma għadiex tintlagħab, kullimkien inbena, u jiena sirt inbati bil-hay fever.
Il-Quddiesa ta’ Dun Louis...
Nhar ta’ Ħadd għal żmien twil konna nmorru quddiesa San Ġorġ, tal-ħamsa fis-sajf u tas-sitta fix-xitwa. Kien iqaddes Dun Louis bl-istil partikolari tiegħu, botta fina, priedka għaqlija, nofs ċajta żġħira, u l-famuża ‘ninżlu għarkubbtejna’ kif jispiċċa l-Ħaruf t’ Alla... Dun Louis niftakru ukoll jgħallem is-Sixth Form u jieħu ħsieb l-Oratorju. Telaq ukoll u miegħu telaq karattru mir-Rabat. Parir li darba tani għadu validu. Kien qalli “Sam mhux li dduru biss qabel l-elezzjoni imma kunu dejjem fin-nies, qrib in-nies u man-nies.”
Il-Jubilee taċ-‘Ċajċ’...
Darba kollega Malti kien qalli “Mela għandkom Jubilee Għawdex?” Mur għidlu li jiena ilni midħla tal-Jubilee minn żmien iċ-‘Ċajċ’. Il-Jubilee jibqa’ l-aktar lokal trendy fir-Rabat. Infetaħ qisu fi żmien iż-żgħożija ta’ missieri u ssemma Silver Jubilee, għal ġublew tar-Reġina. U kien jidher sintomatiku mal-ġublew tal-ħamsa u għoxrin sena għax kien kollu miksi aluminju kulur il-fidda. Insomma mhux eżattament il-Peach Pit ta’ Beverly Hills 90210. Pero kien il-lokal per eċċellenza. Kellu bank, biex tpoġġi, mad-dawra tal-ħanut kollu. Il-bar fuq wara faċċata u Salvu ċ-‘Ċajċ’ warajh. Fuq wara array sħiħ ta’ spirti, u t-television fil-kantuniera. U quddiem il-bank li kellu man-navata kollha kien hemm sett imwejjed quddiemu u dawk is-siġġijiet western tistenna lil John Wayne ħa jpoġġi fuqhom jew lill-amico Bud flimkien ma Terence Hill jagħmlu xi frakass. Il-kafe ġot-tazzi li jiena u oħti għadna ngħidulhom tas-seven cents daqs kemm kien jiswa it-te jew il-kafe. U kellu toilet għal-irġiel biss!
U l-Jubilee kien imur kulħadd u jiltaqa’ kulħadd u jifraħ u jitlewwem kulħadd. Kien jibda minn filgħodu fil-ħamsa għal kafe tal-kaċċaturi u jkompli sejjer sa tard bil-lejl. Maż-żmien Salvu refa mill-ħanut u daħal floku Toni t-'Tapie' li żamm l-istess ritmu. Maż-żmien Toni refa ukoll u daħal minflok Alex il-'Murella' u ħutu sabiex jiġġestixxu dina l-brand tal-Jubilee u għamlu suċċess għax saret franchise f’ Malta u barra minn xtutna. Illum meta niltaqa ma Salvu fit-triq u nsellimlu, jew nieħu l-kafe ma Toni t-'Tapie', spiss niftakar b’nostalġija ħelwa l-Jubilee taċ-‘Ċajċ’ u nerġa nara dawk in-nies ġo fih, u narma nitbissem....
Sister Pierre Marie...
L-iktar soru li qatt ammirajt tibqa’ għal dejjem Sister Pierre Marie. Qatt ma għalmitni. Dejjem titbissem, wiċċha kollu nemex ħomor bin-nuċċali u għajnejn żoroq. U kienet l-uniku soru li kont nara li jixirqilha l-abjad għax l-oħrajn kont narahom funny fl-abjad. Sister Pierre Marie kienet tgħallem il-Year 6. Lili qatt ma għalmitni imma nftakar mhux darba u tnejn ħaditni mill-kinder u ħaditni fil-klassi tal-Year 6 u hi tgħallem u jien attent bħallikieku qed nifhem x’inhi tgħid. Meta Sister Pierre Marie marret il-missjoni ħadtha bi kbira... u għal ftit bdejt naħseb li tal-missjoni kienu ixxurtjati iktar minni. U bqajt dejjem insemmiha u x-xewqa li nerġa naraha qatgħetili Ramona għax staqsiet lil xi ħadd u saret taf li qegħda tas-Sliema u hekk kif mort nordna t-toga għal gradwazzjoni tad-dottorat li s-sorijiet Frangiskani jħitu tant tajjeb, staqsejt lil Sister Luigetta, kienx hemm Sister Pierre Marie... U hemm kienet! U kif mort għarfitni dritt.. u qtajt xewqti insomma.
Il-Patrijiet tal-Kapuċċini...
Il-kunvent tal-Kapuċċini kien ċ-ċentru soċjali ta’ l-inħawi, duttrina, logħob, quddies fost il-ġimgħa, festa tal-Grazzja, il-bir pittoresk fin-nofs, l-kanerja. Il-patrijiet tal-Kapuċċini li b’tant dedikazzjoni imexxu il-kunvent tagħhom jintegraw tajjeb ħafna man-nies tal-inħawi. Patri Ċens, Father Joe, Patri Remiġ, Patri Ġwakkin, Father Alfred u kull gwardjan ta’ warajh. Il-mama malajr tgħallmet li l-ikbar kastig għalina kien li ma nmorrux hemm fuq iz-zuntier tal-kunvent, u kienet taf kif iġġibna f’postna mingħajr ħafna twerwir. U l-ħin għand il-patrijiet dejjem ħassejtu qasir u mhux biżżejjed. Darba niftakar kien ġie novizz daqsxejn antipatku (almenu hekk rajnih) u kien jismu Rudolph. Darba fuq iz-zuntier min-naħa s’oħra inkiteb b’ ittri kbar Rudolph the Red-Nosed Reindeer. Tistgħu timmaginaw x’ riefnu qam l-għada għax skond hu immalafajnih man-nies. Tmexxiet inkjesta b’ attenzjoni lid-dettal a la Hercule Poirot. Ma nafx immaġinax li aħna ridna ngħidu li hu ċerva b’imnieħru aħmar, naf zgur li dakinhar ħadd ma tkellem min kien...
Ir-Ragel ta’ Wara t-Tieqa…
Darba minnhom wara li ġejt lura mill-iskola tas-St Francis fis-siegħa u nofs ta’ wara nofsinhar, il-mama għarrfitni illi hi kienet ser tiftaħ ħanut. Kont għadni Year 4 u kont ferħan b’din l-intrapriża ġdida. Il-mama kienet fetħet ħanut tad-drappijiet, il-mama taf tħit ħafna u mid-dehra kienet xebgħet id-dar. Maż-żmien in-negozju tal-mama kien kiber u tlaqna mill-arcades ta’ l-Orjenti għal taħt Putirjal eżattament quddiem il-bus terminus u taħt l-uffiċju tiegħi tal-lum. Maż-żmien, id-drapp ħa daqqa ta’ ħarta u l-mama kontra qalbha kellha taċċetta dina r-realta u taqleb għal boutique bi ħwejjeġ lesti.
Pero għalkemm iż-żmien inbidel u miegħu l-ġeneru tax-xogħol, ir-raġel ta’ wara t-tieqa baqa hemm. Kont nieħu gost insellimlu lil dan ir-raġel, li kortesament kien isellem lura. Tarah kont taqtgħu ġentlom dritt. Iħares b’ dik il-ħarsa tiegħu timmaġinah jistaqsi l-Quo Vadis għal elf mitt darba x’ħin jara dak is-serbut karozzi għaddej mit-triq u n-nies busy fuq dak li jaħsbu li hi l-iktar ħaga importanti tad-dinja. U hu hemm f’nofs dik il-geġwiġija statiku wara t-tieqa. Kien qisu kwadru ħaj, kellu żgur l-ombra kollha ta’ uomo vissuto.
Dan il-ġentlom telaq ukoll, illum jinsab momument tiegħu faċċata tad-dar tiegħu u qabel nidħol l-uffiċju tiegħi kull filgħodu nħares lejh u kultant nimmaġinah qed isellem qabel jdomm xi poeżija minn tiegħu, il-monument ħaj li ħalla u li ma jintemmx: Għajna Moħbija, Tfalja Toħlomx, Fuq il-Bir tal-Kunvent, Suldati Maltin, Il-Ġgantija... u tant u tant oħrajn. Ġorġ Pisani telaq imma l-għanja tiegħu tibqa’ magħna.
Dawn huma uħud mir-ritratti ta’ tfuliti li jibqgħu stampati ġo moħħi, li juru Rabat li nbidel... Rabat li mexa maż-żmien... għal aħjar?
Friday, March 20, 2009
Subscribe to:
Post Comments (Atom)

Il-ahwa x'memorji gedditli illum!! minn xhin ircevejt l-email minn fuq facebook...kelli kurzita fuq dawn ir-ritratti ta tfulitek.
ReplyDeletebhalek kont inhobb lil Lola tal-gelati ghalkemm ma kontx naf li mietet!! bhalek niftakar lil sr. pierre marie imma ukoll ilni ma naraha zmien u qatt m'ghallmitni. eh!! u bhalek kont immur st. francis fejn tghallem ommi ukoll hemm! Dun Louis!! maa dawk il-priedki!! hehe! eh u jien niftakar il-pastizzi minghand tac-cajc...
insomma grazzi tal-memorji li gibtli!
joanne
dejjem kont akkanit ta zaqqek samuel, imma ghandek ragun il gelat ta lola kien l aqwa li qatt doqt u probabli ma nergghux induqu gelat itjeb minnu
ReplyDeleteJiena ghandi r-ricetta sigrieta tal-gelat ta' Lola, trid nifthu franchise?
ReplyDelete