Wednesday, November 18, 2009

Ġentlom...

Mhux ser jinkitbu bijografiji fuqu, u probabli lanqas ser jitnaqqax ħafna irħam u jissemmew triqat, pero persuntu, il-karattru u kliemu ser jibqgħu jidwu f’widnejna aħna l-kandidati u kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista. Il-partit li Pawlu tant ħabb u ta sehem fih.

Jiena lil Pawlu m’ilnix nafu snin, anzi sirt nafu xi sena u nofs ilu meta ġie ikellimni sabiex nikkonsidra nikkontesta għall-Kunsill Lokali tar-Rabat wara assenza ta’ tliet snin mix-xena. Jiena ma Pawlu tkellimt open qisni ilni nafu snin, kont komdu ħafna nitkellem miegħu. Ma qagħadx iġenninni jew jiksini xema jew jgħammixni bil-bżar. Kien ċar daqs il-kristall u meta tlabtu ftit ħin tahuli mingħajr ma qaghad idejjaqni jew jiffitta. Kont qed nitkellem ma raġel u fuq kollox ma ġentlom.

Kien ta’ ftit kliem pero meta jitkellem jaf x’inhu jgħid u jaf fejn irid jasal. Ma tantx domna biex sirna ħbieb u ma nafx min ma setax isir ħabib ma Pawlu. Kont inqisu ta’ ġewwa. Fil-pożizzjoni li kellu pero ma setax jingħoġob ma kulħadd, u Pawlu lanqas ried jingħoġob, l-abjad kien jgħidlu abjad u l-iswed iswed, fi kliemu stess: “ma tantx inħobb nomgħodha” u jekk kellu xi diffett żgur li ma kienx tad-djuq...

Ħalliena ħabta u sabta u bqajt imbellah, sal-ġurnata ta’ qabel konna għadna qed nikkomunikaw ma xulxin...imblajt meta Frederick ċempilli jgħidli: “ser intik aħbar ħażina...” u tassew kienet ħażina; ilni mis-Sibt ma nistax inneħħih minn moħħi.. imma Pawlu nistħajjlu jgħidilna “u ejja ħallik minn dan aħdem, suq u mexxi...”

Pawlu ta’ ħinu u saħħtu kollha għal Partit Nazzjonalista, partit li huwa kbir għax għandu nies ispirati u ddedikati bħal Pawlu Aquilina.... il-pariri li tani Pawlu jibqgħu miegħi tul iz-żmien.... Ġentlom ma għandu jintesa qatt...

Monday, October 19, 2009

Memorji...

Dan l-aħħar kelli ftit esperjenzi li nissluli memorji indimentikabbli u ħallejt lil moħħi jimraħ u jitpaxxa bil-memorji li ċertu postijiet iqanqluli...

Nammettuha illi kull meta nkunu l-knisja mhux dejjem noqghodu attenti għal dak kollu li jkun jingħad miċ-ċelebrant u ġieli kont paninġierku ta’ festa u moħħi beda jterraq lil hinn milli jkun qed jgħid l-Isqof tagħna (bla ebda disrispett lejh) u malajr neħel ma xi pittura jew gandlier u narma niflih qisni sejjer nagħmel xi dokumentarju u minn hemm nitlaq ukoll għal spazji oħra sakemm in-nies tibda iċċapċap u nerġa niġi lura lejn id-dinja tagħna, lejn is-sħana li jkun hemm fil-knisja, lejn Giovanna (il-ministru) ħdejn il-mara trewwaħ bl-imrewħa, lejn l-frustrazzjoni li tkun liebes illamtat qisni figolla fil-cling film fil-vetrina u lejn rasi miexja mal-stirar kon tiwu tal-fan u nibda ngħanni l-Kredu tagħna biex f’mument ta’ rafforzar tal-fidi naljena lili nnifsi mis-sħana u l-foga.

Wara imbagħad tiltaqa’ ma dak u ma l-ieħor tirrepeti l-istess ħaġa (xi kultant) qisni xi pappagal kulurit kif kien ikun hemm Marsalforn quddiem lukanda partikulari (mingħajr ma nagħmel reklami)...

U propju Marsalforn telqu l-memorji tiegħi meta erġajt invistajt lil post marbut ma Ġanġu tal-boċċi...meta kont iżgħar u kelli ħafna ħin xi nqatta l’hawn u l’hinn speċjalment fis-sajf kont inmur ngħum quddiem il-pitches ta’ Ġanġu tal-boċċi... il-Qbajjar –il ġew... taħt il-batterija tax-Xwejni jew inkella ir-Rook, taħt il-Qolla l-Bajda (le mhux is-safra) u quddiem baħar mill-iktar ċar mimli blat u li għalih l-aħjar li tinżel minn taraġ wiesa mħux ħażin.. forsi mill-iktar baħar ċar ta’ Għawdex... u hemmhekk kont ngħum mal-ħbieb tal-infanzja fosthom Jason ta’ Gannmarija u Mario ta’ Karmnu ta’ Pietru Pawl li f’ħajti meta kont żgħir u anke wara kienu jfissru ħafna u li tlift, is-sikta tal-mewt ma ħafritilhomx...

Dan il-post meta għalaqt qisu l-ħmistax il-sena għalija ingħalaq f’ time capsule li ma nfetħet qatt iktar u ilni minn daqshekk ma ngħum f’ dak il-baħar...

Ġanġu kien bniedem imbaċċaċ miż-Żebbuġ, li kien jieħu ħsieb il-pitches tal-boċċi... u martu li nsejt x’ jisimha li fit-tlieta u fil-ħamsa kienet toħroġ bil-gabirre bil-kafe u te bil-lumi fit-tazzi li jiena nsejħilhom tat-tapie f’ simetrija perfetta. U dak il-kafe (meta hadtu) kien jinzilli għasel. Jiena mort daqs xahar ilu mingħalija li ħa nisb lil Ġanġu tal-boċċi iżda floku sibt irħama li tirrakkonta l-mewta tiegħu u xejn iktar, il-mara bit-tazzi ma għadiex hemm u lanqas Duke dak l-alsation li kien ġar ta’ Ġanġu u li kien sabiħ immens...

U la bdejt il-paninġierki u l-festi tajjeb li nispiċċa bihom... ħadt gost meta ġejt mistieden mill-patrijiet tal-kapuċċini allura fejn trabbejt jiena qabel tlaqna għal ta’ Gedrin għal festa tal-Madonna tal-Grazzja li hija l-aħħar u l-iżgħar festa fil-kalendarju ta’ festi tas-sajf f’Għawdex...

Il-paninġierku għamlu l-Isqof Cauchi b’ dik id-daħka tiegħu, il-kwotazzjoni bil-latin li kien qal San Bernard u bil-lixka li twassalna għal Sant Elisabbetta l-patruna ta’ l-Għarb, raħal twelidu, niżilli għasel. L-Isqof Cauchi f’ dik is-sempliċita tiegħu isaħħrek tisimgħu sa l-aħħar daqs kemm jaf ikun provinċjali jaf ikun profond... u wara ħadna l-kafe u konna xraqna bid-dahk biċ-ċajt li għalihom l-Isqof Cauchi huwa tant magħruf... u t-Times of Malta ġabitna fl-iktar moment solenni u ma nitbissmu xejn u urietni għal darb’ oħra li l-media mhux dejjem tirrifletti l-veru lanqas l-atmosfera fuq tazza kafe jew kikkra te....

Thursday, September 10, 2009

Fr Joshua...

Nsejt kif jiena u Joshua sirna ħbieb. Għalkemm daqs xulxin ma morniex skola flimkien. Imma konna ħbieb u ħbieb sew. Konna niltaqgħu u naqbdu diskursata fuq kollox, bla fruntieri u bla barrieri fil-ħsieb. Meta sirt naf li marad inħsadt. Għamel żmien mhux ħażin jikkonċelebra l-quddies fil-Katidral l-Ħadd, tas-sebgħa u kwart ta' filgħaxija għalkemm hu min-Nadur u meta stajt tlajt għal dik il-quddies.

Jiena u ntektek nammetti li għadni ma ġejtx f' tiegħi. It-telfa ta' ħabib tfisser ħafna. Il-mewt ta' Fr Joshua ġgħalitni nistaqsi ħafna affarijiet ukoll...

F'temp ta' ftit snin tlift tliet saċerdoti ħbieb tiegħi: Fr Louis, Fr Joe Galea u Fr Joshua... ta' Fr Joshua tatni l-iktar ġewwa għax daqsi u tara l-mewt miegħek u ħdejk. Ikollok għażla... jew tiddispra jew tittama...

Żgur li esperjenza ta' mewt ġġiblek sens ta' maturita qawwija... nibqa' dejjem imbellah kif it-tfal tal-kamp tal-konċentrament ta' Terezin affaċjati mill-mewt, għalkemm ta' etajiet żgħar, jesprimu maturita xokkanti fil-poeziji immortali li ħallew kif miġbura fil-ġabra 'I will never see another butterfly'.

Fil-mewt tara ukoll l-għaqda ta' dawk miġbura iktar mir-rispett ta' dawk li jiġu l-funeral. Apprezzajt ħafna l-grupp inkluz assessore li ġie magħhom minn Nichelino belt ġemellata magħna... u fejn Joshua kien qed iservi.

Fr Joshua kien għadu kemm għalaq sentejn iqaddes u s-Sinjur sejjaħlu... Lilna meta ser isejħilna?

Monday, August 24, 2009

Punti ta’ dan l-aħħar...

Tiskanta kif kultant tiltaqa ma persuna li tissorprendik fis-semplicita` tagħha. Hekk ġrali ftit jiem qabel Santa Marija meta ġie jżurna f’ Għawdex Sir Alan Shaw. Sir Alan Shaw huwa l-aħħar veteran tal-konvoy ta’ Santa Marija. Huwa wieħed minn dawk li taw l-ikbar servizz għal Malta. Bellaħni fis-sempliċita` tiegħu. Għaċ-ċerimonja ġie liebes ingravata b’ ta’ wara itwal minn ta’ quddiem, u jidher illi l-ġlekk qatt ma kien ħabibu minkejja li kellu l-pett mimli medalji.

Ħdejn Sir Alan Shaw il-monument tal-gwerra tagħna fit-Tokk jew kif inhu magħruf Kristu Re rajtu b’mod ieħor. Ikolli ngħid li l-presenza ta’ Sir Alan Shaw tat xejra ġdida lil dan il-monument, u l-minuta silenzju li żammejna ħalliet effett kbir fuqi... to our glorious dead lest we forget...

Wara tagħni dvd u souvenir brochure b’ dedika personali. Bellaħni bil-kaligrafija tiegħu, kemm jiena u kemm Tony Borg iddeċidejna li għal hdejh ma nibdewx... Ta’ sebgħa u tmenin sena għadu jpitter u jinseġ il-kitba tiegħu b’mod stupend. Il-kaligrafija tiegħi ma tagħmilx għajb lit-tiġieġ...

Is-Sibt stajt nitpaxxa bl-acting ta’ Gianluigi Tosto u bil-kant ta’ Teresa Fallai. Bqajt impresjonat bil-ħila li dan l-attur Taljan mit-Toscana għandu. Siegħa u tlett kwarti bla nifs. L-Odissea kif interpretata minnu għoġbitni ferm. Għada rieġa sejjer naraha H’ Attard. L-istrumenti li uża Gianluigi kienu daqstant eċċezzjonali. Is-set naturali li toffri ċ-Ċittadella kien stupend. L-attendenza kienet tajba ħafna u nammetti li ħassejt sodisfazzjon nara n-nies bilwieqfa... Żgur li kienet deċiżjoni għaqlija tal-Kunsill illi nagħtu l-backing finanzjarju lil Amina Contin – il-moħħ wara The Sirens' Wail. Għandi kurżita għal għada f’ setting ġo lukanda kif ser toħroġ.

Ilbieraħ kien hemm l-ikla annwali tas-Savina kif insibu l-club ta’ SK Victoria Wanderers. Kien mument diffiċli ferm illi nitkellem bħala Sindku f’ikla ta’ club li huwa parti mill-familja. Jien twelidt mtella li l-Wanderers (li għal żmien kienu Victoria United) huma l-aħjar club... Minkejja li karriera twila fil-football ma għamiltx, għax nammetti li mhux l-isport favorit tiegħi, fil-familja tlajt taħt id-dell li tista’ tiddiskuti l-politika, tista’ tiddiskuti l-każini tar-Rabat, tista’ tiddiskuti l-festi, tista’ tmeri kollox, imma li s-Savina l-aħjar club dik ħaga indikussa… kważi dogma – għax jekk ma kienx hemm ir-rebħa fil-ground kien hemm ir-rebħa morali. Fl-infanzja dejjem naf lill-missieri l-President, u nies bħal Sunny Gatt, Joe Debrincat, in-Nutar Enzo Dimech, u oħrajn fil-kumitat dejjem ħabirku. Ħija u l-kuġini u sekondu kuġini players insomma… u l-mama u z-zijiet ilestu għal bar-b-ques… u kull attivita` oħra. Illum President ħija… Issa sedja tal-club ġdida jmiss…

Jiena darba riduni goal keeper man-nursery, missieri kien ferħan ħa jtir li fl-aħħar qbadt din il-via. Kienet ferħa bla temma għax għarralu bil-kbir... Round biss saddadt. Fil-kumitat pero servejt iktar… is-suċċessi ta’ din is-sena kienu meritati. Għalhekk bdejt id-diskors (li ma kienx preparat) illi ma nafx kif kont ser nitkellem hux bħal Sindku jew bħala membru tal-club, kultant diffiċli tbiddel il-kpiepel … anke fil-politika…

Laqtuni ħafna l-band Mistaken Identity li animaw is-serata… prosit tassew…

Wednesday, April 22, 2009

Innovattivi, Kreattivi, Differenti - nieħdu Azzjoni

Fil-politika imdorrijin nisimgħu bi slogans u clichés li xi kultant imarrduna. Biex għażilt l-islogan tiegħi ħsibtha mhux ħażin għax għalkemm daqqli mill-ewwel ma ridtx li jkun repetittiv. Għazilt Viżjoni Ċara għax propju nħoss li fir-Rabat għandna naraw l-affarijiet b’mod ċar u lil hinn minn kull ħaġa li tista’ ittapnilna l-viżjoni tagħna. Dak li hu abjad inridu ngħidulu abjad, u dak li hu iswed, iswed. Pero fil-parametri ta’ din ir-realta u fil-limitazzjonijiet finanzjarji kollha għandna bżonn inkunu:

Innovativi...

Min jieqaf fil-mixja tiegħu jkun sejjer lura. Trid tkun innovattiv, trid tagħraf toħroġ b’idejat ġodda, twarrab l-isterilita u toħoġ mil-fodsqa li l-bniedem sikwit jħit miegħu innifsu.

Kreattivi...

Marbuta mal-innovazzjoni hemm l-kreattivita’, inridu insibu soluzzjonijiet ġodda għal problemi qodma. Inridu nilqgħu għall-isfidi tal-lum u għada bi ħsieb li jmur lil hinn mill-kuntest purament lokali u nridu nimirħu f’oqsma oħra ġodda.

Naħsbu b’ mod differenti...

Ma nistgħux nibqgħu naħsbu l-istess, għax jekk nibqgħu hekk, la nkunu innovattivi u lanqas nistgħu inkunu kreattivi. Inridu inkunu kapaċi inwarrbu ħsibijiet qodma u antikwati li ma għadhomx jagħmlu sens jekk qatt kienu jagħmlu xi darba. Jeħtieġ li ninqatgħu minn parametri tradizzjonali li f’eżerċizzju nostalġiku moħħna jaf kif iwaħħalna fihom.

Inridu inmorru għall-azzjoni.

Inutli nreddnu u nparlaw fil-vojt u nirrepetu il-mitt darba għall-elf darba. Inridu mill-kliem ngħaddu għal fatti. Ikun xieraq illi ħidmet il-kunsill tkun bażata fuq programm ta’ ħidma li jiġi imfassal fil-bidu ta’ kull term u rivedut sikwit. Irid ikun pjan li jkollu proġetti li jkunu kemm short-term u kemm long-term.

Il-kummerċ madwar beltna huwa parti mill-ħajja ta’ kull Rabti, mingħajr il-kummerċ, ir-Rabat ikun baħħ. Pero dan il-kummerċ filwaqt li nsostnuh inridu naraw illi jikber, minkejja kompetizzjoni qawwija li tesiżti u l-atmosfera kajmana ta’ bħalissa. Għandna nkunu agressivi imma bl-ingwanti. Mhux neċessarjament hemm bżonn ta’ proġetti li jqumu l-belli liri imma jekk niffukaw fuq aspett partikolari, jista’ jgawdi kulħadd minn din il-ħidma. Żgur li l-aspett tat-traffiku u l-aċċessibilta f’ beltna huwa sfida kontiwa. Il-proġett ta’ public wireless huwa ukoll bżonnjuż għal beltna u jaf jagħti dak l-impetus tajjeb għar-rota ekonomika lokali.

Inridu naraw illi r-Rabat ikun reklamat bħala destinazzjoni turistika għalih u nemmen li nistgħu nagħmlu avvanz f’dan il-qasam. Illum il-ġurnata t-Turisti ma jiġux għall-beltna imma għaċ-Ċittadella, għall-knejjes, mużewijiet u l-festi. Inridu nagħrfu nisfruttaw il-pontenzjal ta’ beltna possibilment sal-massimu u beltna tkun offruta bħal destinazzjoni turistika per se.

Qasam li għandu bżonn injezzjoni ta’ kreattivita huwa l-qasam tal-kultura li ukoll għandu potenzjal enormi. Inridu nagħrfu li meta jsir pooling ta’ riżorsi, ikollna prodott aħjar. Barra minn hekk inridu nivestu fit-talent żagħżugħ mingħajr ma nwarrbu dak stabbilit. Żgur li beltna taf toffri ħafna iktar.

Dejjem emmint li ż-żgħażagħ huma l-mutur bażiku ta’ kull soċjeta. Iż-żgħażagħ huma l-iktar faxxa tas-soċjeta illi jistgħu jkunu innovattivi, kreattivi, jaħsbu b’ mod differenti u li kapaċi jieħdu azzjoni.

Il-politika offruta minni li nħoss li hi bżonnjuża għar-Rabat tagħna hija imfissra f’iktar dettal fuq www.samuelazzopardi.info Nieħu gost bil-kummenti tagħkom.

Saturday, April 4, 2009

Eddie... Pajjiż normali...

Illum mhux tant diffiċli illi tikkritika kif trid, lil min trid u fejn trid. Illum mhux tant diffiċli li timraħ fl-istudji tiegħek Malta u barra minnha. Illum mhux tant diffiċli tistieden lil ħbiebek minn barra sabiex iżuruna mingħajr ma toqgħod iġġib l-iskużi għalfejn l-airport ta’ Malta hu f’liema stat hu u għalfejn ma hawnx minn kollox u lanqas tant diffiċli tgħix il-ħajja kif jgħixuha ħafna nies fl-aħjar partijiet tad-dinja. Illum mhux tant diffiċli għax snin ilu tela’ fil-poter bniedem li propju l-bieraħ spiċċa minn President ta’ Malta.

Eddie jibqa’ l-ikbar Prim Ministru ta’ Malta. La ġab l-Indipendenza la r-Repubblika u lanqas il-Ħelsien. Huwa l-bniedem li għamel l-ikbar ħaġa għal Malta. Le mhux għax pajjiżna daħal fl-Unjoni Ewropea. Imma għaliex ġabna pajjiż normali. Lil hinn mir-retorika, mill-paroli fil-vojt, mill-bombastiċita... Eddie ġab lil dan il-pajjiż la jagħli għaliex jisbaħ u wisq inqas għaliex jidlam.

Xi kultant inkun mal-ħbieb u xi ħadd minnhom jgħiduli għaliex l-Italja kull min isajjar donnu jaf isajjar tajjeb u fi stazzjon tal-ferrovija tiekol tajjeb ukoll? It-Taljani ma tgħallmux isajru imma twieldu f’ambjent li jdarrihom hekk, hemm is-sodda mifruxa, u l-arti tat-tisjir jibdew joħduha mindu jkunu bdew jiftħu ħalqhom mal-fażi tal-bottle.

X’għandu x’ jaqsam mal-ikel Eddie? Vera hu wikkiel u kull meta sajjarlu Dirjanu ta’ Żerreck, il-bambin itih il-glorja, dejjem kiel sewwa. Pero lanqas jinqala wisq biex isajjar darba qal. Li għandu x’ jaqsam hu hawn, qabel tela hu fil-gvern fl-1987 kellna skejjel, kellna tv sets, kellna ilma u dawl (insomma hawn), kellna ċikkulata (forsi aħjar ma nkomplix) kellna ħafna affarijiet, pero kienu hekk maqtugħin għalihom (iċ-ċikkulata fil-veru sens tal-kelma). Kellna stil ta’ ħajja tal-qamel bħala drittijiet u fit-togħma, bħal sentenza b’ħafna aġġettivi sbieħ imma li ma tagħmilx sens għax bħala struttura ħażina. Bħal meta kont nippretendi meta kont għadni nistudja Malta l-Universita li għax kelli riċetta Taljana kont ser nagħmel l-itjeb platt spaghetti imbagħad niftakar li anke l-ilma kollu kloru jaffetwa ukoll it-togħma tal-ispaghetti...

U l-qamel kollu tbiddel mingħajr xi salt skossi, fin-normalita’ kollha possibli. Illum ġabna bl-istess pretensjonijiet ta’ pajjiżi iktar żviluppati minnha u dan mingħajr tixrid ta’ demm, ġlied, strikes ta’ teachers u tobba, għeluq ta’ skejjel, u fil-liberta kollha possibli. U ħalla anke lil ġurnalisti min minnhom ried jitpastas f’wiċċu jitpastas ukoll mingħajr ebda biża.

U imbagħad għamel xi ħaġa kolossali għalija li meta daħħalna pajjiż sħiħ ta’ l-Unjoni Ewropea ma daħħalnix pajjiż tallab, imma pajjiż normali u aħjar minn oħrajn li daħlu magħna. Għadni niftakar illi meta mort għar-riċeviment tal-barrakka meta dħalna fl-Unjoni Ewropea, huwa kien hemm u f’żelqa minn tiegħi indirizzajtu Prim Eċċellenza għax kien għadu kemm telaq minn Kap, u moħħi tfixkel, u dħaqna t-tnejn u għaddiet.

Dakinhar dan il-bniedem fl-umila’ kollha niftakar li waqt il-projection, li nġabet fuq Malta u l-istorja tagħna, tagħti fuq Sant Anġlu mank deher darba u ġo qalbi inkorlajt li mank ġabuh jiffirma l-Greċja ma Joe Brog, pero naf li hu fl-umilta tiegħu żgur li ma rahiex bi kbira... Dan hu l-bniedem li aħna n-nazzjonalisti nibqgħu niftakruh u ngħożżuh għal għomorna... u għalija l-bniedem li ġabna pajjiż normali f’ demokrazija ħielsa minn kull 'jekk' u 'mhux', b’mekkaniżmi demokratiċi jaħdmu... Dan id-demokristjan ta’ veru... Tana pajjiż normali... Grazzi mhux biżżejjed...

Friday, March 20, 2009

Ritratti mir-Rabat ta' Tfuliti...

Tiskanta fil-ħajja kif jinbidlu l-affarijiet. Minkejja li għad għandi sitta u għoxrin sena, nista’ ngħid illi r-Rabat ta’ tfuliti kien xi ftit differenti. Meta jgħaddi ż-żmien kull ma jibqa’ huma memorji, ritratti ta’ tfulitek.

Il-Ġelat ta’ Lola...

Jibqa’ l-aqwa ġelat li qatt ġie prodott fuq il-gżira tat-tlett għoljiet. Il-ġelat ta’ Lola kien uniku. Hemm fi sqaq wara l-knisja ta’ San Ġorġ kien hemm Lola bil-ħanut tal-ġelat. Konna nmorru bi ħġarna. Jiena ġeneralment kont inmur il-Ħadd wara l-quddies tad-disgħa taċ-ċentru, flimkien mal-kuġini u konna nixtru l-ġelat qabel nitilqulha għal għand iz-zija Susan li kienet telqet mill-Kapuċċini u marret toqgħod it-Triq tal-Għajn. Il-ġelat ta’ Lola kien jisgħobik li jispiċċa. Jiena kont skoprejt li din Lola kienet tiġi xi sekondu-kuġina ma nannti – u ħassejtni privileġġjat, li l-aqwa ġelat kien ta’ xi ħadd jiġi minni. Meta darba staqsitni ta’ min jien, u aħna Għawdex għadna kulħadd bil-laqam, dritt ħadtha għal fejn ridt jien. L-affari marret sew ferm, għax il-ġelat tiegħi kiber sew – u l-inkarigu ġdid sabiex nissalda din iż-żieda netta, kien biss illi nwassal it-tislijiet għan-nanna u nerġa’ nwassalhom lura. Lola illum mietet u l-ġelat tagħha telaq magħha – baqa’ biss il-bixra tat-togħma. U x’ħin ngħaddi minn Strada Karita għadni nħares lejn dak il-ħanut b’ żewġ bibien magħluqin. Forsi xi darba terġa tfeġġ Lola...

Ġilardu...

Ġilardu konna ngħajtulu u probabli x’imkien l’hemm kien jismu. Dan Ġilardu kien raġel li qatt ma rajtu jinbidel – dejjem baqa’ xiħ u mkemmex daqs ħarruba u mgħawweġ bil-qorq u bl-ixkora wara dahru. Dejjem iħares u qatt ma jtina espressjoni. U b’ l-istejjer li nħolqu fuqu nimmaġina li għajnu qatt ma waqfet tpetpet. Kien jgħaddi biss mit-triq ta’ wara li għadu jisimha Wied is-Seqer u jiskula l-isfel għal ġol għelieqi sakemm jgħib fl-inħawi fejn aħna konna nilgħabu l-light house

Il-Light House...

Il-light house kienet logħba favorita tat-tfal tal-inħawi tal-Kapuċċini. Kienet tintlagħab fuq wara tad-djar minn fejn kien jgħaddi Ġilardu, fejn kien kollu għelieqi u fejn illum kważi kollu nbena. Hemmhekk ġo salt għelieqi kollha tiben konna nilgħabu light house, speċi ta’ noli ta’ bil-lejl, kulħadd bit-torċ miegħu, u min jistaħba wara ħajt tas-sejjieħ u min wara qatta tiben u min iktar avventuruż taħt xi pal tal-bajtar, u l-‘aħħ’ tax-xewk kemm il-darba nstema. Illum light house ma għadiex tintlagħab, kullimkien inbena, u jiena sirt inbati bil-hay fever.

Il-Quddiesa ta’ Dun Louis...

Nhar ta’ Ħadd għal żmien twil konna nmorru quddiesa San Ġorġ, tal-ħamsa fis-sajf u tas-sitta fix-xitwa. Kien iqaddes Dun Louis bl-istil partikolari tiegħu, botta fina, priedka għaqlija, nofs ċajta żġħira, u l-famuża ‘ninżlu għarkubbtejna’ kif jispiċċa l-Ħaruf t’ Alla... Dun Louis niftakru ukoll jgħallem is-Sixth Form u jieħu ħsieb l-Oratorju. Telaq ukoll u miegħu telaq karattru mir-Rabat. Parir li darba tani għadu validu. Kien qalli “Sam mhux li dduru biss qabel l-elezzjoni imma kunu dejjem fin-nies, qrib in-nies u man-nies.”

Il-Jubilee taċ-‘Ċajċ’...

Darba kollega Malti kien qalli “Mela għandkom Jubilee Għawdex?” Mur għidlu li jiena ilni midħla tal-Jubilee minn żmien iċ-‘Ċajċ’. Il-Jubilee jibqa’ l-aktar lokal trendy fir-Rabat. Infetaħ qisu fi żmien iż-żgħożija ta’ missieri u ssemma Silver Jubilee, għal ġublew tar-Reġina. U kien jidher sintomatiku mal-ġublew tal-ħamsa u għoxrin sena għax kien kollu miksi aluminju kulur il-fidda. Insomma mhux eżattament il-Peach Pit ta’ Beverly Hills 90210. Pero kien il-lokal per eċċellenza. Kellu bank, biex tpoġġi, mad-dawra tal-ħanut kollu. Il-bar fuq wara faċċata u Salvu ċ-‘Ċajċ’ warajh. Fuq wara array sħiħ ta’ spirti, u t-television fil-kantuniera. U quddiem il-bank li kellu man-navata kollha kien hemm sett imwejjed quddiemu u dawk is-siġġijiet western tistenna lil John Wayne ħa jpoġġi fuqhom jew lill-amico Bud flimkien ma Terence Hill jagħmlu xi frakass. Il-kafe ġot-tazzi li jiena u oħti għadna ngħidulhom tas-seven cents daqs kemm kien jiswa it-te jew il-kafe. U kellu toilet għal-irġiel biss!

U l-Jubilee kien imur kulħadd u jiltaqa’ kulħadd u jifraħ u jitlewwem kulħadd. Kien jibda minn filgħodu fil-ħamsa għal kafe tal-kaċċaturi u jkompli sejjer sa tard bil-lejl. Maż-żmien Salvu refa mill-ħanut u daħal floku Toni t-'Tapie' li żamm l-istess ritmu. Maż-żmien Toni refa ukoll u daħal minflok Alex il-'Murella' u ħutu sabiex jiġġestixxu dina l-brand tal-Jubilee u għamlu suċċess għax saret franchise f’ Malta u barra minn xtutna. Illum meta niltaqa ma Salvu fit-triq u nsellimlu, jew nieħu l-kafe ma Toni t-'Tapie', spiss niftakar b’nostalġija ħelwa l-Jubilee taċ-‘Ċajċ’ u nerġa nara dawk in-nies ġo fih, u narma nitbissem....

Sister Pierre Marie...

L-iktar soru li qatt ammirajt tibqa’ għal dejjem Sister Pierre Marie. Qatt ma għalmitni. Dejjem titbissem, wiċċha kollu nemex ħomor bin-nuċċali u għajnejn żoroq. U kienet l-uniku soru li kont nara li jixirqilha l-abjad għax l-oħrajn kont narahom funny fl-abjad. Sister Pierre Marie kienet tgħallem il-Year 6. Lili qatt ma għalmitni imma nftakar mhux darba u tnejn ħaditni mill-kinder u ħaditni fil-klassi tal-Year 6 u hi tgħallem u jien attent bħallikieku qed nifhem x’inhi tgħid. Meta Sister Pierre Marie marret il-missjoni ħadtha bi kbira... u għal ftit bdejt naħseb li tal-missjoni kienu ixxurtjati iktar minni. U bqajt dejjem insemmiha u x-xewqa li nerġa naraha qatgħetili Ramona għax staqsiet lil xi ħadd u saret taf li qegħda tas-Sliema u hekk kif mort nordna t-toga għal gradwazzjoni tad-dottorat li s-sorijiet Frangiskani jħitu tant tajjeb, staqsejt lil Sister Luigetta, kienx hemm Sister Pierre Marie... U hemm kienet! U kif mort għarfitni dritt.. u qtajt xewqti insomma.

Il-Patrijiet tal-Kapuċċini...

Il-kunvent tal-Kapuċċini kien ċ-ċentru soċjali ta’ l-inħawi, duttrina, logħob, quddies fost il-ġimgħa, festa tal-Grazzja, il-bir pittoresk fin-nofs, l-kanerja. Il-patrijiet tal-Kapuċċini li b’tant dedikazzjoni imexxu il-kunvent tagħhom jintegraw tajjeb ħafna man-nies tal-inħawi. Patri Ċens, Father Joe, Patri Remiġ, Patri Ġwakkin, Father Alfred u kull gwardjan ta’ warajh. Il-mama malajr tgħallmet li l-ikbar kastig għalina kien li ma nmorrux hemm fuq iz-zuntier tal-kunvent, u kienet taf kif iġġibna f’postna mingħajr ħafna twerwir. U l-ħin għand il-patrijiet dejjem ħassejtu qasir u mhux biżżejjed. Darba niftakar kien ġie novizz daqsxejn antipatku (almenu hekk rajnih) u kien jismu Rudolph. Darba fuq iz-zuntier min-naħa s’oħra inkiteb b’ ittri kbar Rudolph the Red-Nosed Reindeer. Tistgħu timmaginaw x’ riefnu qam l-għada għax skond hu immalafajnih man-nies. Tmexxiet inkjesta b’ attenzjoni lid-dettal a la Hercule Poirot. Ma nafx immaġinax li aħna ridna ngħidu li hu ċerva b’imnieħru aħmar, naf zgur li dakinhar ħadd ma tkellem min kien...

Ir-Ragel ta’ Wara t-Tieqa…

Darba minnhom wara li ġejt lura mill-iskola tas-St Francis fis-siegħa u nofs ta’ wara nofsinhar, il-mama għarrfitni illi hi kienet ser tiftaħ ħanut. Kont għadni Year 4 u kont ferħan b’din l-intrapriża ġdida. Il-mama kienet fetħet ħanut tad-drappijiet, il-mama taf tħit ħafna u mid-dehra kienet xebgħet id-dar. Maż-żmien in-negozju tal-mama kien kiber u tlaqna mill-arcades ta’ l-Orjenti għal taħt Putirjal eżattament quddiem il-bus terminus u taħt l-uffiċju tiegħi tal-lum. Maż-żmien, id-drapp ħa daqqa ta’ ħarta u l-mama kontra qalbha kellha taċċetta dina r-realta u taqleb għal boutique bi ħwejjeġ lesti.

Pero għalkemm iż-żmien inbidel u miegħu l-ġeneru tax-xogħol, ir-raġel ta’ wara t-tieqa baqa hemm. Kont nieħu gost insellimlu lil dan ir-raġel, li kortesament kien isellem lura. Tarah kont taqtgħu ġentlom dritt. Iħares b’ dik il-ħarsa tiegħu timmaġinah jistaqsi l-Quo Vadis għal elf mitt darba x’ħin jara dak is-serbut karozzi għaddej mit-triq u n-nies busy fuq dak li jaħsbu li hi l-iktar ħaga importanti tad-dinja. U hu hemm f’nofs dik il-geġwiġija statiku wara t-tieqa. Kien qisu kwadru ħaj, kellu żgur l-ombra kollha ta’ uomo vissuto.

Dan il-ġentlom telaq ukoll, illum jinsab momument tiegħu faċċata tad-dar tiegħu u qabel nidħol l-uffiċju tiegħi kull filgħodu nħares lejh u kultant nimmaġinah qed isellem qabel jdomm xi poeżija minn tiegħu, il-monument ħaj li ħalla u li ma jintemmx: Għajna Moħbija, Tfalja Toħlomx, Fuq il-Bir tal-Kunvent, Suldati Maltin, Il-Ġgantija... u tant u tant oħrajn. Ġorġ Pisani telaq imma l-għanja tiegħu tibqa’ magħna.

Dawn huma uħud mir-ritratti ta’ tfuliti li jibqgħu stampati ġo moħħi, li juru Rabat li nbidel... Rabat li mexa maż-żmien... għal aħjar?

Sunday, March 8, 2009

Viżjoni ċara... ritorn lura għax-xena politika.

Il-politika ħassejtha sa minn ċkuniti. Fil-familja trabbejna taħt id-dell tagħha billi n-nannu għamel ħafna snin in scena anke jekk mal-partit l-ieħor. In-nannu fil-politika ma niftakrux pero l-effetti tagħha baqgħu fuqu sa’ l-aħħar ta’ ħajtu.

L-ewwel elezzjoni li niftakar tajjeb kienet dik tal-1992 Eddie Fiduċja għalkemm għandi memorji ta’ dik tal-1987, li tagħha niftakar xi meeting u siltiet mir-rebħa u li xi ġirien ma kellmunix iktar jien li kien għad kelli ħames snin dakinhar. Maż-żmien l-affarijiet inbidlu u l-ġirien kellmuna. Ta’ l-1992 kienet buzz niġru mal-carcades, meetings u ta’ Qali l-aqwa ħarġa kienet. U meta Guido kien jgħajtilna, konna nixgħelu. Niftakar ukoll lis-soru twiddibna (rightly so) meta xi arjuż minna (ma neskludix l-kompliċita) kien jitħajjar jgħaddi xi kummenti politiċi. Għalkemm jekk ikolli ngħid dejjem xi sieħbi nazzjonalist li gżani lis-soru.

Għadni niftakar ukoll lil missieri jġib il-kotba fil-'Parlament ma Jikbrux Fjuri' u ukoll ma fhimtx dawn il-fjuri x’kienu u 'PN Fehmiet Bażici' li ma dehru bażiċi xejn. Pero niftakar ukoll inpittru wiċċ Karmenu u n-nuċċali li kellu nġibuh goggles. Eddie ma messejnih qatt, dak kien qisek qed tara xi santa.

Tlajt f’ dak ix-xenarju insomma, l-politika xi ħaġa kwotidjana, u konna niddiskutuha dejjem. Waqt l-ikel dejjem kienet tqum xi diskussjoni, u minn ħa jinstema ftit iktar. Meta kien jiġi n-nannu (matern għax dawk paterni tlifthom qabel stajt inkun nafhom) u dak dejjem kien jiekol bil-mustarda, id-diskussjoni dejjem kienet fuq il-klassi (li domt ftit ma fhimt li mhux ta’ l-iskola) u s-sinjur u l-fqir. In-nannu kellu ċertu ħsibijiet, forsi sforz kif trabba. Jiena dejjem ħarist lejh b’ ċertu reverenza u meta tkellem dejjem smajtu. Ngħid smajtu għax mhux dejjem fhimtu. Maż-żmien indunajt li ma aħniex ser naqblu wisq ma xulxin u meta tliftu meta kelli tnax-il sena ħassejt vojt enormi. Dik tal-klassi kont tliftha darba għal dejjem anke jekk kont naf li minix ser naqbel miegħu.

Fil-Junior Lyceum konna klassi mista, kulħadd jgħid tiegħu u meta kienet ser tiġi xi elezzjoni tal-kunsilli jew ġenerali konna qisna xarabank – u l-livell tad-diskussjoni ta’ dak il-livell kien jibqa’. Niftakar meta nbidel il-gvern u allura n-nanna u z-zijiet materni telgħu s-sema bdejna naraw lil Sant. Dan Sant nammetti li ġieli ġabli ħniena – hux għax kont għadni żgħir jew ċuċ lanqas naf. Naf pero bilħaqq li kien daħal il-proġett Scoops u ħabib kien issuġġerixxa l-isem Future għax dakinhar PN Futur, it-teacher li ma fehmet xejn kienet baqgħet sorpriża għalfen ma konnix għażilna Calypso Boys Scoop. Tal-Future Scoop kont inħtart il-President u morna sew anke jekk kellna s-sulluzzu mas-surmast. Jekk tistaqsuni liema hu l-aħjar isem illum minn dawn it-tnejn ma nafx ngħidlek. Pero li ntrebaħ dakinhar intilef ftit wara għax inbidel il-gvern u l-futur mar il-baħar...

Bil-kampanja tal-fridges mimlija u vojta rbaħna fin-1998. Jiena fl-1999 sirt il-President tal-Kunsill ta’ l-istudenti tas-Sixth Form (K.S.S.M.R. liema isem rajtu soċjalist). Dakinhar kont nedejt kampanja taht l-isem “Our visions are in colour yet our results are black on white” u kienet suċċess għax ġibt l-akbar ammont ta’ voti. Ħdimna sewwa ukoll u għamilna diversi proġetti. Niftakar kien ġie darba Alfred Sant ikellimna fuq xi dramm. Dakinhar iddeċidejt li postu kien drammaturgu u kittieb u mhux fil-politika. Din naħseb illum jifhimha sewwa.

Fl-2000 sibt ruħi fl-Universita`, fil-Grupp Universitarji Għawdxin u ukoll fil-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista. Fl-Universita għaddejt mill-isbaħ u l-ikraħ esperjenzi li taf toffrilek u ddewqek il-politika. Imma llum narah li kien zmien ta’ preparazzjoni u test qawwi. Darba meta ilmentajt ma xi ħadd fuq xi aġir mhux daqstant etiku ta’ kontestant, dan ix-xi ħadd qalli: “Inti għadek ma xraftx?”.

Ġunju tal-2002 mort Brussel bħala delgat tal-Prim Ministru għas-sessjoni taż-żgħażagħ tal-Konvenzjoni dwar il-Futur tal-Ewropa u kont intgħażilt minn panel chaired minn Fr Peter Serracino Inglott – bniedem li għadu jimpressjonani u jinfluwenzani sal-lum. Kienet esperjenza memorabbli fejn ir-rappreżentanti tal-pajjiżi Ewropej inkluż aħna li ma konniex għadna dħalna membri ddibatejna l-Futur ta’ l-Ewropa. Jiena kont ivvutajt kontra d-dokument finali li kien jaspira għal Ewropa federalista. Għadni konvint li l-federaliżmu mhux tajjeb għall-Unjoni Ewropea. Hemmhekk għamilt ħbiberiji li għadni ngħożż sal-lum.

Il-GUG tibqa’ l-iktar għaqda li ħadt gost naħdem fiha u niftakar il-kungress taż-żgħażagħ li konna organizzajna bil-parteċipazzjoni ta’ għaqdiet, unions, partiti, l-Knisja u l-kunsilli lokali. Konna anke ġibna l-kor ċelebri Voices għall-Youth for Charity. Wara kollox, il-GUG laqqgħetni ma’ l-għarusa u kien dakinhar ftit wara li ltqajna li cempilli Euchar Mizzi (kont fuq tal-linja għal-Għawdex) u qalli li l-Partit u Eddie kellhom fiduċja fija għall-kunsill tar-Rabat u li xtaq ikellemni. Jiena dakinhar għidtlu iva there and then fuq tal-linja bl-għarusa bil-kurżita tagħha tistaqsini għal xiex kont għidt iva. Imbagħad x’ ħin saret taf erm aħjar ma nkomplix... Tifhmux ħazin dejjem kienet warajja, ħassitha ftit insultata illi ma għidtiliex qabel. Id-dar il-mama fehmitha qabel il-papa.

Insomma imbaghad canvassing u ridt nistudja ghax din kienet it-tielet sena tal-liġi – s-sena miċidjali! Insomma tlajt fil-kunsill u għaddejt ukoll mill-eżamijiet – niftakar kien kunsillier Laburista illi qalli li kont ser nitla’ għax jiena imorru kemm imorru voti fil-kajżelli xorta, billi kont l-ewwel darba ma fhimtx hux ser nitla’ jew le, u waqghetli l-battery tal-mobile u għaxxaqtha ma Ramona u tad-dar li ma setgħux isiru jafu eżatt kif sejrin, u kont imbagħad damdamt il-mobile ta’ Victor is-sufi biex nikkuntatjahom. Peter Sant Manduca frisk frisk wara xi siegħa jew tnejn qalli li kien sejjer, kien ġab l-iktar voti fuq l-Imdina u ma damux ma għaddewhom. Tar-Rabat qishom ma riedu jispiccaw qatt.

Din l-elezzjoni kienet mar-referendum u jien kont iktar moħħi fir-referendum milli fl-elezzjoni tal-kunsill li ħadtha bħala avventura. Irbaħna fit-tnejn li aħna u kien imiss l-elezzjoni. Iz-zmien tar-referendum, u tal-elezzjoni tal-2003 jibqa’ żmien indimentikabbli. Dakinhar kont anke fl-eżekuttiv tal-partit u niftakar ċar u tond x’ kien jingħad. Ir-rebħa tal-2003 kienet tfisser il-ħolma ta’ Eddie u n-nazzjonalisti issir realta`. Dakinhar kont nel settimo cielo.

Sadanittant kont fil-kunsill, esperjenza tajba oħra. Mhux dejjem qbilt mas-Sindku jew mall-maġġoranza iżda qatt ma tlifna r-rispett kbir li kellna f’ xulxin sa għeluq it-term u ħdimna kollha ma xulxin għal ġid tar-Rabat fid-dettami tal-budget finanzjarju. Stajna għamilna aħjar… u kif! Imma jekk sar xi żball dan kien fil-limitazzjoni umana u l-ħsieb viġenti kien dejjem dak ta’ ġid għar-Rabat tagħna.

Intant ir-rebħa tal-2003 fissret ukoll il-bidu tat-tluq ta’ Eddie minn kap, dan l-idolu kien ser iwarrab, hu u jgħid, jidhirli li nqrat ittra ukoll fl-eżekuttiv, waqa skiet perfett taqtgħu b’ sikkina. Jiena ssummajt. Issa x’ser jiġri? Nammetti li meta bdiet it-tellieqa għal kap ġdid kull kandidat li ġie d-dar staqsejt lili nnifsi wara li jkun ħareg: dan ikompli wara li ħalla Eddie? Dan jista’ jmexxina anke aħjar? Kien bir-risposta ta’ dawn it-tweġibiet li vvutajt.

Fl-2005 mort Verona, taħt l-Erasmus, hemm għamilt ħafna ħbieb, intfajt b’ ruħi u ġismi għall-fencing, l-isport li tant inħobb u nixtieq preżenti ukoll fir-Rabat. Hemmhekk għixt ma tlieta minn sħabi tal-kors, Leonard, Rosette u Amanda. Pero immisjajt hafna lil-maħbuba tiegħi u l-familja u kien f’dan il-perjodu li ddeċidejt li għandi nipproponilha għaż-żwieġ.

Insomma fl-2006 iddeċidejt (u din kienet deċiżjoni iebsa ħafna) illi ma nikkontestax l-elezzjoni tal-Kunsill Lokali tagħna. Xorta għint lil partit, pero nikkontesta fiċ-ċirkustanzi ma stajtx u ddeċidejt li nieħu a political sabbatical. Tlaqt bil-mod il-mod minghajr skossi minn kollox. Ridt nara posti huwiex fil-politika. Bdejt nistaqsi għalfejn kont impenjajt ruħi fil-politika, forsi għax in-nannu meta kont żgħir kien jimpressjonani? Forsi għax inħobb nidher? Forsi għax verament inrid il-ġid lill-pajjiż, lill-komunita`, lill-Għawdex, lin-Nazzjon? Domt ħafna nittituba, niddiskuti u niddibatti waħdi fil-garigori ta’ moħħi.

L-elezzjoni tat-8 ta’ Marzu 2008 bħal-lum preċiż ħdimt għaliha pero minn barra, ma ridtx nisma’ b’ kumitati. Kont intfajt b’ ruħi u ġismi fil-professjoni li kont għadni kemm bdejt neżerċita. Pero l-għanjnuna tiegħi tajtha, u kburi li tajtha. Sussegwentament ħbieb tiegħi fil-politika u le bdew jgħiduli biex nerġa’ noħroġ għall-elezzjoni. Jiena kont bejn ħaltejn. Mill-partit ġew ikellmuni ukoll. Lil Pawlu Aquilina għidtlu ċar u tond illi jiena ma kelli l-ebda rimors tad-deċiżjonijiet li kont hadt dik li ħriġt fl-2003, u li ma ħriġtx fl-2006. Jiena tlabtu ftit żmien u wegħdtu li kont ser naħsibha sew. Il-partit irrispetta l-liberta tiegħi. Pero kif jgħidu f’ Hotel California, “you can check out any time you want but you can never leave”.

Finalment irrealizzajt illi jiena fil-politika ridt nagħti l-impenn kollu tiegħi u nemmen li għandi x’ noffri lir-Rabat u l-komunita tagħna u naf x’ inrid mir-Rabat, b’ idejat ċari daqs il-kristall, għalhekk Viżjoni Ċara.

Ilum ninsab fuq l-għatba ta’ elezzjoni f’ mixja li bdiet snin ilu. Xtaqt naqsam magħkom biċċa mill-għaġna ta’ ħajti qabel nibda fil-jiem li ġejjin nitratta magħkom l-viżjoni tiegħi fid-dettal. Nispera li kont u nkun ċar :).