Għad inrid insib lil xi ħadd jitbissem u jdaħħaq daqs iz-zija Mananni. Propjament iz-zija Mananni hija l-pro-zija, oħt nannti pero għalija kienet iz-zija jew iktar... In-nanna paterna ma niftakarhix… mietet meta kelli sentejn u kull ma għandi tagħha huwa biss il-ħjiel.
Pero z-zija Mananni nafha tajjeb ferm. Kull meta kont naraha kont inrid nitbissem, u meta xi darba kont inkun bil-buri kull ma kelli bżonn hu li ngħaddi minn Strada St Ursola u nħares lejn id-dar taz-zija Mananni. Il-buri kienu jgħaddu dritt. B’zewġ kelmiet kienet taqsmek bid-daħq. Darba naf li rajtha tibki... meta miet żewgha Leli ta’ Zerreck. Ħajjet iz-zija Mananni kienet ddur ħafna mal-Katidral u ta’ l-iljun, il-pompa tal-petrol fi pjazza Savina u d-dar tagħha biswit taz-zija Dola li kienet biswit tal-bużnanna Katarin li kienet biswit tan-nanna. Tlett aħwa bniet u ommhom feles bejniethom kienu joqgħodu bieb ma bieb. Din il-viċinanza ġabet rabta naturali u sal-lum is-sekondu kuġini huma bħal kuġini u l-ikbar ħbieb.
Insomma din iz-zija Mananni kienet l-imqarba u li taqta’ t-trampi sa minn meta kienet żgħira, jekk nibdew ma nispiċċaw qatt. Meta kibret bdiet tbati mid-dimentia, pero l-mod ċajtier tagħha ma nesitux u baqa’ magħha tista’ tghid sa’ l-aħħar nifs... Iz-zija ġejja minn ġenerazzjoni akkanita fuq dak kollu li kienu jemmnu fih, speċjalment ir-reliġjon, il-politika u l-partit tal-iljun. Dik l-aqwa festa u dak l-aqwa partit kienet tgħid għal Santa Marija u ta’ l-iljun. Darba minnhom kienet Santa Marija u iltqajt magħha fit-tieqa li kellha tas-salott, kienu qed jisparaw murtali mhux ħażin u hi bid-dimentia staqsitni minn kien qed jispara, jiena għidtilha mhux ta’ l-istilla! Ma kinitx kelma għax bdiet sejra kemm kien hemm storbju, xi ksuħat kif qażżu kull ma hawn. Ma damitx għax bid-dimentia reġgħet staqsitni min kien qed jispara, din id-darba għidtilha tal-iljun! Ma kinitx kellma kemm bdiet tikkumplimenta, kemm kienu qawwijin, murtali sħaħ u sodi u l-aqwa waħda kienet meta qaltli x’melodija....!
Darba oħra ratni liebes qalziet three quarters u minn taħt l-ilsien staqsiet lil bintha Rina kemm kont kbirt u ħriġt mill-qalziet u miskin kif ommu ma xtratlux qalziet ieħor. Tista’ taħseb kemm dħaqna. Iz-zija Mannanni trabbiet f’epoka oħra fejn il-jeans ukoll kien vulgari u mhux ta’ min jintlibes...
Meta għalqet id-disgħin sena, n-nepputija tagħa Maria staqsietha kemm kienet għalqet snin, hi lventa lventa irrispondietha sittin... Maria biss biss kellha iktar minn sittin...
Iz-zija Mannani kienet tqanqal tbissima b’mod sempliċi mingħajr ħafna teatrini... meta mietet miet il-link tiegħi ma nannti li kull ma għandi tagħha ħjiel... z-zija ġgħalitni nitbissem anke f’mewtha u ma ħallitnix nibkiha għax fl-istess ħin li mietet sirt naf li bdiet ħajja oħra u li nista’ inkun missier...
Thursday, July 22, 2010
Subscribe to:
Posts (Atom)
