Sunday, March 8, 2009

Viżjoni ċara... ritorn lura għax-xena politika.

Il-politika ħassejtha sa minn ċkuniti. Fil-familja trabbejna taħt id-dell tagħha billi n-nannu għamel ħafna snin in scena anke jekk mal-partit l-ieħor. In-nannu fil-politika ma niftakrux pero l-effetti tagħha baqgħu fuqu sa’ l-aħħar ta’ ħajtu.

L-ewwel elezzjoni li niftakar tajjeb kienet dik tal-1992 Eddie Fiduċja għalkemm għandi memorji ta’ dik tal-1987, li tagħha niftakar xi meeting u siltiet mir-rebħa u li xi ġirien ma kellmunix iktar jien li kien għad kelli ħames snin dakinhar. Maż-żmien l-affarijiet inbidlu u l-ġirien kellmuna. Ta’ l-1992 kienet buzz niġru mal-carcades, meetings u ta’ Qali l-aqwa ħarġa kienet. U meta Guido kien jgħajtilna, konna nixgħelu. Niftakar ukoll lis-soru twiddibna (rightly so) meta xi arjuż minna (ma neskludix l-kompliċita) kien jitħajjar jgħaddi xi kummenti politiċi. Għalkemm jekk ikolli ngħid dejjem xi sieħbi nazzjonalist li gżani lis-soru.

Għadni niftakar ukoll lil missieri jġib il-kotba fil-'Parlament ma Jikbrux Fjuri' u ukoll ma fhimtx dawn il-fjuri x’kienu u 'PN Fehmiet Bażici' li ma dehru bażiċi xejn. Pero niftakar ukoll inpittru wiċċ Karmenu u n-nuċċali li kellu nġibuh goggles. Eddie ma messejnih qatt, dak kien qisek qed tara xi santa.

Tlajt f’ dak ix-xenarju insomma, l-politika xi ħaġa kwotidjana, u konna niddiskutuha dejjem. Waqt l-ikel dejjem kienet tqum xi diskussjoni, u minn ħa jinstema ftit iktar. Meta kien jiġi n-nannu (matern għax dawk paterni tlifthom qabel stajt inkun nafhom) u dak dejjem kien jiekol bil-mustarda, id-diskussjoni dejjem kienet fuq il-klassi (li domt ftit ma fhimt li mhux ta’ l-iskola) u s-sinjur u l-fqir. In-nannu kellu ċertu ħsibijiet, forsi sforz kif trabba. Jiena dejjem ħarist lejh b’ ċertu reverenza u meta tkellem dejjem smajtu. Ngħid smajtu għax mhux dejjem fhimtu. Maż-żmien indunajt li ma aħniex ser naqblu wisq ma xulxin u meta tliftu meta kelli tnax-il sena ħassejt vojt enormi. Dik tal-klassi kont tliftha darba għal dejjem anke jekk kont naf li minix ser naqbel miegħu.

Fil-Junior Lyceum konna klassi mista, kulħadd jgħid tiegħu u meta kienet ser tiġi xi elezzjoni tal-kunsilli jew ġenerali konna qisna xarabank – u l-livell tad-diskussjoni ta’ dak il-livell kien jibqa’. Niftakar meta nbidel il-gvern u allura n-nanna u z-zijiet materni telgħu s-sema bdejna naraw lil Sant. Dan Sant nammetti li ġieli ġabli ħniena – hux għax kont għadni żgħir jew ċuċ lanqas naf. Naf pero bilħaqq li kien daħal il-proġett Scoops u ħabib kien issuġġerixxa l-isem Future għax dakinhar PN Futur, it-teacher li ma fehmet xejn kienet baqgħet sorpriża għalfen ma konnix għażilna Calypso Boys Scoop. Tal-Future Scoop kont inħtart il-President u morna sew anke jekk kellna s-sulluzzu mas-surmast. Jekk tistaqsuni liema hu l-aħjar isem illum minn dawn it-tnejn ma nafx ngħidlek. Pero li ntrebaħ dakinhar intilef ftit wara għax inbidel il-gvern u l-futur mar il-baħar...

Bil-kampanja tal-fridges mimlija u vojta rbaħna fin-1998. Jiena fl-1999 sirt il-President tal-Kunsill ta’ l-istudenti tas-Sixth Form (K.S.S.M.R. liema isem rajtu soċjalist). Dakinhar kont nedejt kampanja taht l-isem “Our visions are in colour yet our results are black on white” u kienet suċċess għax ġibt l-akbar ammont ta’ voti. Ħdimna sewwa ukoll u għamilna diversi proġetti. Niftakar kien ġie darba Alfred Sant ikellimna fuq xi dramm. Dakinhar iddeċidejt li postu kien drammaturgu u kittieb u mhux fil-politika. Din naħseb illum jifhimha sewwa.

Fl-2000 sibt ruħi fl-Universita`, fil-Grupp Universitarji Għawdxin u ukoll fil-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista. Fl-Universita għaddejt mill-isbaħ u l-ikraħ esperjenzi li taf toffrilek u ddewqek il-politika. Imma llum narah li kien zmien ta’ preparazzjoni u test qawwi. Darba meta ilmentajt ma xi ħadd fuq xi aġir mhux daqstant etiku ta’ kontestant, dan ix-xi ħadd qalli: “Inti għadek ma xraftx?”.

Ġunju tal-2002 mort Brussel bħala delgat tal-Prim Ministru għas-sessjoni taż-żgħażagħ tal-Konvenzjoni dwar il-Futur tal-Ewropa u kont intgħażilt minn panel chaired minn Fr Peter Serracino Inglott – bniedem li għadu jimpressjonani u jinfluwenzani sal-lum. Kienet esperjenza memorabbli fejn ir-rappreżentanti tal-pajjiżi Ewropej inkluż aħna li ma konniex għadna dħalna membri ddibatejna l-Futur ta’ l-Ewropa. Jiena kont ivvutajt kontra d-dokument finali li kien jaspira għal Ewropa federalista. Għadni konvint li l-federaliżmu mhux tajjeb għall-Unjoni Ewropea. Hemmhekk għamilt ħbiberiji li għadni ngħożż sal-lum.

Il-GUG tibqa’ l-iktar għaqda li ħadt gost naħdem fiha u niftakar il-kungress taż-żgħażagħ li konna organizzajna bil-parteċipazzjoni ta’ għaqdiet, unions, partiti, l-Knisja u l-kunsilli lokali. Konna anke ġibna l-kor ċelebri Voices għall-Youth for Charity. Wara kollox, il-GUG laqqgħetni ma’ l-għarusa u kien dakinhar ftit wara li ltqajna li cempilli Euchar Mizzi (kont fuq tal-linja għal-Għawdex) u qalli li l-Partit u Eddie kellhom fiduċja fija għall-kunsill tar-Rabat u li xtaq ikellemni. Jiena dakinhar għidtlu iva there and then fuq tal-linja bl-għarusa bil-kurżita tagħha tistaqsini għal xiex kont għidt iva. Imbagħad x’ ħin saret taf erm aħjar ma nkomplix... Tifhmux ħazin dejjem kienet warajja, ħassitha ftit insultata illi ma għidtiliex qabel. Id-dar il-mama fehmitha qabel il-papa.

Insomma imbaghad canvassing u ridt nistudja ghax din kienet it-tielet sena tal-liġi – s-sena miċidjali! Insomma tlajt fil-kunsill u għaddejt ukoll mill-eżamijiet – niftakar kien kunsillier Laburista illi qalli li kont ser nitla’ għax jiena imorru kemm imorru voti fil-kajżelli xorta, billi kont l-ewwel darba ma fhimtx hux ser nitla’ jew le, u waqghetli l-battery tal-mobile u għaxxaqtha ma Ramona u tad-dar li ma setgħux isiru jafu eżatt kif sejrin, u kont imbagħad damdamt il-mobile ta’ Victor is-sufi biex nikkuntatjahom. Peter Sant Manduca frisk frisk wara xi siegħa jew tnejn qalli li kien sejjer, kien ġab l-iktar voti fuq l-Imdina u ma damux ma għaddewhom. Tar-Rabat qishom ma riedu jispiccaw qatt.

Din l-elezzjoni kienet mar-referendum u jien kont iktar moħħi fir-referendum milli fl-elezzjoni tal-kunsill li ħadtha bħala avventura. Irbaħna fit-tnejn li aħna u kien imiss l-elezzjoni. Iz-zmien tar-referendum, u tal-elezzjoni tal-2003 jibqa’ żmien indimentikabbli. Dakinhar kont anke fl-eżekuttiv tal-partit u niftakar ċar u tond x’ kien jingħad. Ir-rebħa tal-2003 kienet tfisser il-ħolma ta’ Eddie u n-nazzjonalisti issir realta`. Dakinhar kont nel settimo cielo.

Sadanittant kont fil-kunsill, esperjenza tajba oħra. Mhux dejjem qbilt mas-Sindku jew mall-maġġoranza iżda qatt ma tlifna r-rispett kbir li kellna f’ xulxin sa għeluq it-term u ħdimna kollha ma xulxin għal ġid tar-Rabat fid-dettami tal-budget finanzjarju. Stajna għamilna aħjar… u kif! Imma jekk sar xi żball dan kien fil-limitazzjoni umana u l-ħsieb viġenti kien dejjem dak ta’ ġid għar-Rabat tagħna.

Intant ir-rebħa tal-2003 fissret ukoll il-bidu tat-tluq ta’ Eddie minn kap, dan l-idolu kien ser iwarrab, hu u jgħid, jidhirli li nqrat ittra ukoll fl-eżekuttiv, waqa skiet perfett taqtgħu b’ sikkina. Jiena ssummajt. Issa x’ser jiġri? Nammetti li meta bdiet it-tellieqa għal kap ġdid kull kandidat li ġie d-dar staqsejt lili nnifsi wara li jkun ħareg: dan ikompli wara li ħalla Eddie? Dan jista’ jmexxina anke aħjar? Kien bir-risposta ta’ dawn it-tweġibiet li vvutajt.

Fl-2005 mort Verona, taħt l-Erasmus, hemm għamilt ħafna ħbieb, intfajt b’ ruħi u ġismi għall-fencing, l-isport li tant inħobb u nixtieq preżenti ukoll fir-Rabat. Hemmhekk għixt ma tlieta minn sħabi tal-kors, Leonard, Rosette u Amanda. Pero immisjajt hafna lil-maħbuba tiegħi u l-familja u kien f’dan il-perjodu li ddeċidejt li għandi nipproponilha għaż-żwieġ.

Insomma fl-2006 iddeċidejt (u din kienet deċiżjoni iebsa ħafna) illi ma nikkontestax l-elezzjoni tal-Kunsill Lokali tagħna. Xorta għint lil partit, pero nikkontesta fiċ-ċirkustanzi ma stajtx u ddeċidejt li nieħu a political sabbatical. Tlaqt bil-mod il-mod minghajr skossi minn kollox. Ridt nara posti huwiex fil-politika. Bdejt nistaqsi għalfejn kont impenjajt ruħi fil-politika, forsi għax in-nannu meta kont żgħir kien jimpressjonani? Forsi għax inħobb nidher? Forsi għax verament inrid il-ġid lill-pajjiż, lill-komunita`, lill-Għawdex, lin-Nazzjon? Domt ħafna nittituba, niddiskuti u niddibatti waħdi fil-garigori ta’ moħħi.

L-elezzjoni tat-8 ta’ Marzu 2008 bħal-lum preċiż ħdimt għaliha pero minn barra, ma ridtx nisma’ b’ kumitati. Kont intfajt b’ ruħi u ġismi fil-professjoni li kont għadni kemm bdejt neżerċita. Pero l-għanjnuna tiegħi tajtha, u kburi li tajtha. Sussegwentament ħbieb tiegħi fil-politika u le bdew jgħiduli biex nerġa’ noħroġ għall-elezzjoni. Jiena kont bejn ħaltejn. Mill-partit ġew ikellmuni ukoll. Lil Pawlu Aquilina għidtlu ċar u tond illi jiena ma kelli l-ebda rimors tad-deċiżjonijiet li kont hadt dik li ħriġt fl-2003, u li ma ħriġtx fl-2006. Jiena tlabtu ftit żmien u wegħdtu li kont ser naħsibha sew. Il-partit irrispetta l-liberta tiegħi. Pero kif jgħidu f’ Hotel California, “you can check out any time you want but you can never leave”.

Finalment irrealizzajt illi jiena fil-politika ridt nagħti l-impenn kollu tiegħi u nemmen li għandi x’ noffri lir-Rabat u l-komunita tagħna u naf x’ inrid mir-Rabat, b’ idejat ċari daqs il-kristall, għalhekk Viżjoni Ċara.

Ilum ninsab fuq l-għatba ta’ elezzjoni f’ mixja li bdiet snin ilu. Xtaqt naqsam magħkom biċċa mill-għaġna ta’ ħajti qabel nibda fil-jiem li ġejjin nitratta magħkom l-viżjoni tiegħi fid-dettal. Nispera li kont u nkun ċar :).

2 comments:

  1. Prosit tal-blog...keep it up. Interessanti hafna! hadt gost naqrah.

    ReplyDelete
  2. Awguri u prosit tal-Malti. Nieħu n-nifs narah miktub sew kultant żmien.

    ReplyDelete