Monday, October 19, 2009

Memorji...

Dan l-aħħar kelli ftit esperjenzi li nissluli memorji indimentikabbli u ħallejt lil moħħi jimraħ u jitpaxxa bil-memorji li ċertu postijiet iqanqluli...

Nammettuha illi kull meta nkunu l-knisja mhux dejjem noqghodu attenti għal dak kollu li jkun jingħad miċ-ċelebrant u ġieli kont paninġierku ta’ festa u moħħi beda jterraq lil hinn milli jkun qed jgħid l-Isqof tagħna (bla ebda disrispett lejh) u malajr neħel ma xi pittura jew gandlier u narma niflih qisni sejjer nagħmel xi dokumentarju u minn hemm nitlaq ukoll għal spazji oħra sakemm in-nies tibda iċċapċap u nerġa niġi lura lejn id-dinja tagħna, lejn is-sħana li jkun hemm fil-knisja, lejn Giovanna (il-ministru) ħdejn il-mara trewwaħ bl-imrewħa, lejn l-frustrazzjoni li tkun liebes illamtat qisni figolla fil-cling film fil-vetrina u lejn rasi miexja mal-stirar kon tiwu tal-fan u nibda ngħanni l-Kredu tagħna biex f’mument ta’ rafforzar tal-fidi naljena lili nnifsi mis-sħana u l-foga.

Wara imbagħad tiltaqa’ ma dak u ma l-ieħor tirrepeti l-istess ħaġa (xi kultant) qisni xi pappagal kulurit kif kien ikun hemm Marsalforn quddiem lukanda partikulari (mingħajr ma nagħmel reklami)...

U propju Marsalforn telqu l-memorji tiegħi meta erġajt invistajt lil post marbut ma Ġanġu tal-boċċi...meta kont iżgħar u kelli ħafna ħin xi nqatta l’hawn u l’hinn speċjalment fis-sajf kont inmur ngħum quddiem il-pitches ta’ Ġanġu tal-boċċi... il-Qbajjar –il ġew... taħt il-batterija tax-Xwejni jew inkella ir-Rook, taħt il-Qolla l-Bajda (le mhux is-safra) u quddiem baħar mill-iktar ċar mimli blat u li għalih l-aħjar li tinżel minn taraġ wiesa mħux ħażin.. forsi mill-iktar baħar ċar ta’ Għawdex... u hemmhekk kont ngħum mal-ħbieb tal-infanzja fosthom Jason ta’ Gannmarija u Mario ta’ Karmnu ta’ Pietru Pawl li f’ħajti meta kont żgħir u anke wara kienu jfissru ħafna u li tlift, is-sikta tal-mewt ma ħafritilhomx...

Dan il-post meta għalaqt qisu l-ħmistax il-sena għalija ingħalaq f’ time capsule li ma nfetħet qatt iktar u ilni minn daqshekk ma ngħum f’ dak il-baħar...

Ġanġu kien bniedem imbaċċaċ miż-Żebbuġ, li kien jieħu ħsieb il-pitches tal-boċċi... u martu li nsejt x’ jisimha li fit-tlieta u fil-ħamsa kienet toħroġ bil-gabirre bil-kafe u te bil-lumi fit-tazzi li jiena nsejħilhom tat-tapie f’ simetrija perfetta. U dak il-kafe (meta hadtu) kien jinzilli għasel. Jiena mort daqs xahar ilu mingħalija li ħa nisb lil Ġanġu tal-boċċi iżda floku sibt irħama li tirrakkonta l-mewta tiegħu u xejn iktar, il-mara bit-tazzi ma għadiex hemm u lanqas Duke dak l-alsation li kien ġar ta’ Ġanġu u li kien sabiħ immens...

U la bdejt il-paninġierki u l-festi tajjeb li nispiċċa bihom... ħadt gost meta ġejt mistieden mill-patrijiet tal-kapuċċini allura fejn trabbejt jiena qabel tlaqna għal ta’ Gedrin għal festa tal-Madonna tal-Grazzja li hija l-aħħar u l-iżgħar festa fil-kalendarju ta’ festi tas-sajf f’Għawdex...

Il-paninġierku għamlu l-Isqof Cauchi b’ dik id-daħka tiegħu, il-kwotazzjoni bil-latin li kien qal San Bernard u bil-lixka li twassalna għal Sant Elisabbetta l-patruna ta’ l-Għarb, raħal twelidu, niżilli għasel. L-Isqof Cauchi f’ dik is-sempliċita tiegħu isaħħrek tisimgħu sa l-aħħar daqs kemm jaf ikun provinċjali jaf ikun profond... u wara ħadna l-kafe u konna xraqna bid-dahk biċ-ċajt li għalihom l-Isqof Cauchi huwa tant magħruf... u t-Times of Malta ġabitna fl-iktar moment solenni u ma nitbissmu xejn u urietni għal darb’ oħra li l-media mhux dejjem tirrifletti l-veru lanqas l-atmosfera fuq tazza kafe jew kikkra te....