L-Għid il-Kbir...
L-Għid il-Kbir għandha għalija tassew tifsira speċjali u l-funzjoni ta’ Sibt –il Għid l-iktar waħda għal qalbi u minkejja li fgat bl-allerġija xorta sejjer għax ma nkunx inrid nitlifha. U minkejja li kemmxejn twila bħala funzjoni u l-Isqof kultant bħala jitlef l-arloġġ tibqa l-funzjoni li iġġibni l-eqreb lejn il-fidi. Warajha għalija hemm dik tal-Ġimgħa l-Kbira...
Ma jfissirx li nsegwi kelma b’kelma li jkun jintqal għaliex sabiex tkun qrib il-fidi ma tistax ma terħix din id-dinja u timraħ fl-intern u fl-itqal ħsibijiet li wieħed jista’ jkollu.
Bħalissa l-knisja għaddejja minn burraxxka u minn sfidi kbar li tagħmel tajjeb taffrontahom u ma twarrabhomx kif forsi għamlet fil-passat... intenzjonalment jew le...
Iż-żgħożija...
Jumejn oħra ngħalaq tmienja u għoxrin u verament kemm jgħaddi iż-żmien... Fil-kunsill għandna żewġ gruppi ta’ żgħażagħ li vera jaħdmu u jħabirku. Dejjem emmint li ż-żgħażagħ huma ċittadini eżemplari... u dawn iż-żewġ gruppi jikkonfermawh. Hawn min jgħidli għadni żgħir u jista’ jkun pero għalija l-eta taż-żgħożija tieqaf madwar il-ħamsa u għoxrin sena kif konna nqisu l-eta għall-movimenti taż-żgħażagħ sa ftit ilu. Inkun nalludi ruħi li jekk naħseb li qisni wieħed ta’ sittax, tmintax jew għoxrin sena. Il-ħajja hija mixja u kull sena fiha l-apprezzament tagħha.
Is-sebgħa u għoxrin sena ta’ ħajti tibqa’ memorabbi għax fiha żżewwiġt, ilħaqt sindku, president tar-reġjun ta’ Għawdex u membru sħiħ tal-Kumitat tar-Reġjuni (UE). It-tmienja u għoxrin għadha ġejja u nittamaw li tkun tajba... f’kull sena niżbalja f’xi ħaġa... imma nsomma issa naraw.
Jgħidulek trid tibqa’ żgħażugħ fl-ispirtu... forsi veru pero hawn minn jużaha bħala pretest biex ma jikber qatt...
Il-politika...
Il-politika attiratni u segwejtha minn ċkuniti... f’Lulju li ġej nagħlaq sena mill-ġurament tiegħi ta’ sindku wara l-vot popolari tas-sitta ta’ Ġunju 2009. Kienet sena impenjattiva ħafna għalija u mimlija sfidi. Jidhirli li wettaqna numru ta’ inizjattivi ġodda li qed jew ser iħallu frott kif ukoll ħejjejna xi proġetti għat-tul. Irnexxielna ukoll f’disa’ xhur naqtgħu l-iżbilanċ finanzjarju il-famuż deficit b’ żewġ terzi u dan grazzi għal ammont ta’ miżuri li kellna nieħdu. Hija sena preparatorja għat-tliet snin li ġejjin... Inridu nagħtu rendikont ta’ ħidmietna... Żgur li baqa’ x’inwettqu... Nispera li qed inkunu ċari fil-viżjoni tagħna...
Saturday, April 3, 2010
Subscribe to:
Posts (Atom)
