Mhux ser jinkitbu bijografiji fuqu, u probabli lanqas ser jitnaqqax ħafna irħam u jissemmew triqat, pero persuntu, il-karattru u kliemu ser jibqgħu jidwu f’widnejna aħna l-kandidati u kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista. Il-partit li Pawlu tant ħabb u ta sehem fih.
Jiena lil Pawlu m’ilnix nafu snin, anzi sirt nafu xi sena u nofs ilu meta ġie ikellimni sabiex nikkonsidra nikkontesta għall-Kunsill Lokali tar-Rabat wara assenza ta’ tliet snin mix-xena. Jiena ma Pawlu tkellimt open qisni ilni nafu snin, kont komdu ħafna nitkellem miegħu. Ma qagħadx iġenninni jew jiksini xema jew jgħammixni bil-bżar. Kien ċar daqs il-kristall u meta tlabtu ftit ħin tahuli mingħajr ma qaghad idejjaqni jew jiffitta. Kont qed nitkellem ma raġel u fuq kollox ma ġentlom.
Kien ta’ ftit kliem pero meta jitkellem jaf x’inhu jgħid u jaf fejn irid jasal. Ma tantx domna biex sirna ħbieb u ma nafx min ma setax isir ħabib ma Pawlu. Kont inqisu ta’ ġewwa. Fil-pożizzjoni li kellu pero ma setax jingħoġob ma kulħadd, u Pawlu lanqas ried jingħoġob, l-abjad kien jgħidlu abjad u l-iswed iswed, fi kliemu stess: “ma tantx inħobb nomgħodha” u jekk kellu xi diffett żgur li ma kienx tad-djuq...
Ħalliena ħabta u sabta u bqajt imbellah, sal-ġurnata ta’ qabel konna għadna qed nikkomunikaw ma xulxin...imblajt meta Frederick ċempilli jgħidli: “ser intik aħbar ħażina...” u tassew kienet ħażina; ilni mis-Sibt ma nistax inneħħih minn moħħi.. imma Pawlu nistħajjlu jgħidilna “u ejja ħallik minn dan aħdem, suq u mexxi...”
Pawlu ta’ ħinu u saħħtu kollha għal Partit Nazzjonalista, partit li huwa kbir għax għandu nies ispirati u ddedikati bħal Pawlu Aquilina.... il-pariri li tani Pawlu jibqgħu miegħi tul iz-żmien.... Ġentlom ma għandu jintesa qatt...
Wednesday, November 18, 2009
Subscribe to:
Posts (Atom)
