Monday, August 24, 2009

Punti ta’ dan l-aħħar...

Tiskanta kif kultant tiltaqa ma persuna li tissorprendik fis-semplicita` tagħha. Hekk ġrali ftit jiem qabel Santa Marija meta ġie jżurna f’ Għawdex Sir Alan Shaw. Sir Alan Shaw huwa l-aħħar veteran tal-konvoy ta’ Santa Marija. Huwa wieħed minn dawk li taw l-ikbar servizz għal Malta. Bellaħni fis-sempliċita` tiegħu. Għaċ-ċerimonja ġie liebes ingravata b’ ta’ wara itwal minn ta’ quddiem, u jidher illi l-ġlekk qatt ma kien ħabibu minkejja li kellu l-pett mimli medalji.

Ħdejn Sir Alan Shaw il-monument tal-gwerra tagħna fit-Tokk jew kif inhu magħruf Kristu Re rajtu b’mod ieħor. Ikolli ngħid li l-presenza ta’ Sir Alan Shaw tat xejra ġdida lil dan il-monument, u l-minuta silenzju li żammejna ħalliet effett kbir fuqi... to our glorious dead lest we forget...

Wara tagħni dvd u souvenir brochure b’ dedika personali. Bellaħni bil-kaligrafija tiegħu, kemm jiena u kemm Tony Borg iddeċidejna li għal hdejh ma nibdewx... Ta’ sebgħa u tmenin sena għadu jpitter u jinseġ il-kitba tiegħu b’mod stupend. Il-kaligrafija tiegħi ma tagħmilx għajb lit-tiġieġ...

Is-Sibt stajt nitpaxxa bl-acting ta’ Gianluigi Tosto u bil-kant ta’ Teresa Fallai. Bqajt impresjonat bil-ħila li dan l-attur Taljan mit-Toscana għandu. Siegħa u tlett kwarti bla nifs. L-Odissea kif interpretata minnu għoġbitni ferm. Għada rieġa sejjer naraha H’ Attard. L-istrumenti li uża Gianluigi kienu daqstant eċċezzjonali. Is-set naturali li toffri ċ-Ċittadella kien stupend. L-attendenza kienet tajba ħafna u nammetti li ħassejt sodisfazzjon nara n-nies bilwieqfa... Żgur li kienet deċiżjoni għaqlija tal-Kunsill illi nagħtu l-backing finanzjarju lil Amina Contin – il-moħħ wara The Sirens' Wail. Għandi kurżita għal għada f’ setting ġo lukanda kif ser toħroġ.

Ilbieraħ kien hemm l-ikla annwali tas-Savina kif insibu l-club ta’ SK Victoria Wanderers. Kien mument diffiċli ferm illi nitkellem bħala Sindku f’ikla ta’ club li huwa parti mill-familja. Jien twelidt mtella li l-Wanderers (li għal żmien kienu Victoria United) huma l-aħjar club... Minkejja li karriera twila fil-football ma għamiltx, għax nammetti li mhux l-isport favorit tiegħi, fil-familja tlajt taħt id-dell li tista’ tiddiskuti l-politika, tista’ tiddiskuti l-każini tar-Rabat, tista’ tiddiskuti l-festi, tista’ tmeri kollox, imma li s-Savina l-aħjar club dik ħaga indikussa… kważi dogma – għax jekk ma kienx hemm ir-rebħa fil-ground kien hemm ir-rebħa morali. Fl-infanzja dejjem naf lill-missieri l-President, u nies bħal Sunny Gatt, Joe Debrincat, in-Nutar Enzo Dimech, u oħrajn fil-kumitat dejjem ħabirku. Ħija u l-kuġini u sekondu kuġini players insomma… u l-mama u z-zijiet ilestu għal bar-b-ques… u kull attivita` oħra. Illum President ħija… Issa sedja tal-club ġdida jmiss…

Jiena darba riduni goal keeper man-nursery, missieri kien ferħan ħa jtir li fl-aħħar qbadt din il-via. Kienet ferħa bla temma għax għarralu bil-kbir... Round biss saddadt. Fil-kumitat pero servejt iktar… is-suċċessi ta’ din is-sena kienu meritati. Għalhekk bdejt id-diskors (li ma kienx preparat) illi ma nafx kif kont ser nitkellem hux bħal Sindku jew bħala membru tal-club, kultant diffiċli tbiddel il-kpiepel … anke fil-politika…

Laqtuni ħafna l-band Mistaken Identity li animaw is-serata… prosit tassew…