Wednesday, February 1, 2012

Memorabbli...

Il-Ħadd li għadda l-Prim Ministru tiegħi u tiegħek, int min int, u tivvota lil min tivvota, ta diskors memorabbli…

Rarament rajt daqshekk nies barra s-sala fejn isir il-kunsill generali tal-partit għal sighat sħaħ sabiex jistennew ħalli jisimgħu diskors storiku bħal dak. Rajt nies jippruvaw jidħlu bi kwalunkwe mezz, min għax għandu l-affarijiet ġewwa u min għal hekk u min għal hekk.

U rarament issapportejt jiena kunsill generali sħiħ mingħajr ma niċċaqlaq minn posti. L-Għawdxin issoltu naslu l-ewwel nies u nsibu l-postijiet li nridu. Il-Ħadd li għadda wasalna fid-disgħa (ta’ filgħodu) u spiċċajna fil-maġġor parti bilwieqfa fuq wara.

Id-delegati Nazzjonalisti ikkonkorrew bi ħġarhom biex jisimghu diskors... wieħed u memorabbli...

Ħadna lezzjoni tad-demokrazija... Il-Prim Ministru li hu l-kap tagħna ukoll poġġa mistoqsija quddiem id-delegati, inriduhx iktar bħala kap jew le. Huwa verament riżultat tal-maturita politika li għandu dan il-Prim Ministru. Meta tmexxi għaqda jew organizzazzjoni, huwa verament kontra l-istint naturali tieghek illi tpoggi lilek innifsek għat-test meta tista’ tgħaddi mingħarju għax ma hemm l-ebda teknikalita li tilobulek. Trid tkun persuna soda u ta’ prinċipju li mhux biss ma tkunx iggranfat mas-siġġu tal-poter imma ukoll li temmen verament fil-prinċipji demokratiċi.

Għalhekk dan il-Prim Ministru kkonferma l-istatista li hu anke permezz ta’ azzjoni interna li ħa fil-partit li huwa jmexxi. Għaliex mar għall-għeruq politiċi tiegħu u qed jistaqsina rriduhx bħala il-kap tagħna jew inridux kap ieħor u dan liberament u b’ vot sigriet.

Għalhekk b’ dan l-att li għamel il-Prim Ministru tiegħi u tiegħek għal darb’ ohra ipprova biċ-ċar dak li dejjem tenna, sabiex niġġudikawh b’ li jagħmel u mhux b’ li jgħid biss... għalhekk jibqa’ diskors memorabbli...lezzjoni fid-demokrazija, milestone fil-politika tagħna. Grazzi Prim

Wednesday, June 22, 2011

Kultant...

Kultant tkun għaddej miexi jew issuq u tieqaf tħares għax bi spazju ta’ bejn il-bini tara kwadru – veduta mill-isbah li bejn il-bini li jservi ta’ gwarniċ tara xena hekk memorabbli. Dejjem hekk ġrali kull meta mill-kapuċċini kont ngħaddi minn kantuniera partikulari fi triq normali, is-sur kien jidher differenti, dil-kantuniera qabel kienet bis-serer, it-Tnejn li għadda kont għaddej bil-karozza u rajt dil-kantuniera, din il-veduta forsi għal-aħħar darba għax rajthom jagħtu l-pedamenti għal xi binja oħra u addio din il-kantuniera…

Kultant tiltaqa’ ma xi ħadd u joħroġ b’waħda tal-ġenn. Tidħaq? tibki? Kien hemm xi ħadd li ssuġġerieli illi nagħmlu monument lir-Reġina Victoria kbir daqs Kristu Re li għandna t-Tokk faċċata tiegħu, aħjar ma nkomplix għax…

Kultant tara xi ħaġa li tolqtok u titlifha hekk biċ-ċajt. Hekk ġrali meta mort Venezia t-tieni darba. Rajt pittura ta’ gondola f’studju, hekk li laqatni, għall-għażż biex ma nġorrx daħħaltha f’moħħi illi nixtriha jien u sejjer lura għal Verona. Lura l-istudju ma sibtux...

Kultant tiġri xi ħaġa f’ħajtek li ma tinsa qatt. Tkun mingħalik lil għaddiet u ntesiet u f’daqqa u l-ħin tfiġġ f’moħħok x’ħin jidrilha hi, x’ħin tkun kwiet, x’tagħmel? Taljena ruħek u terġa tinsa sakemm terħa tfiġġ hekk kultant.

Friday, August 20, 2010

Meta x-xemx tmiss mal-ilma u ttextex…

Meta kont żgħir u kien jiġi z-ziju Ġiġi mill-Awstralja, l-familja kienet tkun f’għors sħiħ. Preparamenti, fejn ser joqgħod, għand min ser jiekol, fejn ser noħduh u x’ karozza ħa nlestulu… Iz-ziju Ġiġi emigra imma saqajh baqgħu ankrati hawn. Huwa u l-mara, z-zija Mananni u l-kuġini Manuel, Miriam u Terry konna narawhom mħux ħażin minkejja l-bogħod.

Iz-ziju Ġiġi kien figura paterna għal ħutu u għalina, kienet persuna li tgħaqqad u tibbilanċja u l-kelma tiegħu ma mar ħadd lura minnha. L-aħħar li rajtu kien meta ġie jara lil zija oħra Ċettina li kienet waslet f’ xifer il-mewt bil-marda li kellha. Sa sena u ftit wara kellu jitlaq hu ukoll fl-istess ġurnata li miet missieru, in-nannu Salvu – s-sebgħa ta’ Jannar, flok epifanija u rigali, il-familja ġarrbet darbtejn telfa kbira. Bħallikieku l-elfejn u ergħba bil-qtil makabru ta’ Lino, il-mewt taz-zija Cettina, u tan-Nanna Giuseppa ma kienux bizzejjed, sena kwieta imbagħad il-mewt tiegħu għal għarrieda fil-bidu tal-elfejn u sitta.

L-istess għal għarrieda seħħet il-mewt ta’ ibnu l-kuġin il-kbir Manuel li kien hawn għal btala, ġie għal Santa Marija li ma rax. Ra l-istatwa ta’ Kristu Irxoxt li ħallas hu biex ra l-għada l-Irxoxt innifsu… Ta’ tmienja u erbgħin sena telaq u ħalliena bla ma qal jew vaża lil ħadd hekk ħabta u sabta bħal missieru… bla kliem u sliem… fil-familja Ta’ Dovik kultant hija abitudni li tkun titkellem u imbagħad tagħlaq argument u ftit wara tallarga u titlaq u lil min tħalli jibqa’ jistaqsi kif dan telaq bla hoss, donnu fil-mewt uħud minna hekk ukoll hemm miktub għalihom.

Manuel kien il-kuġin il-kbir, s-sinċerita tiegħu, l-wiċċ ahmar tiegħu u dik d-daħka huma sintomatiċi maz-ziju Ġiġi u jekk insemmi lilu ma nistax ma nsemmix z-ziju Ġiġi. Kien jixbħu fil-karattru ghalkemm fil-forma taz-zija Mananni.

Iz-ziju Ġiġi kellu appartament fil-parti ta’ ġewwa tal-Qbajjar, kellu veduta stupenda minn wara ta’ baħar biss mingħajr bini invażiv li jgħatti l-veduta. Iz-ziju Ġiġi kien iħobb jiċċaċra u kien iġibhom ma nafx minn fejn bħal meta kien jgħidli quddiem iz-zija Mananni li hi kienet tittantah fl-għerusija u mhux hu, li kienet toqgħod issaffarlu… u hi tgħidlu mur ‘l hemm….

Darba kont għandhom Marsalforn u kien inżul ix-xemx u qalli inix nisma’ ħoss, jien ta’ tifel li kont ftaħt par widnejn u għidtlu li ma kont qed nisma’ xejn, qalli ‘ismagħha ttextex’ u jien għidtlu ‘xiex?’ Qalli: ‘Ix-xemx, messet mal-ilma’…

Thursday, July 22, 2010

Iz-Zija Mananni

Għad inrid insib lil xi ħadd jitbissem u jdaħħaq daqs iz-zija Mananni. Propjament iz-zija Mananni hija l-pro-zija, oħt nannti pero għalija kienet iz-zija jew iktar... In-nanna paterna ma niftakarhix… mietet meta kelli sentejn u kull ma għandi tagħha huwa biss il-ħjiel.

Pero z-zija Mananni nafha tajjeb ferm. Kull meta kont naraha kont inrid nitbissem, u meta xi darba kont inkun bil-buri kull ma kelli bżonn hu li ngħaddi minn Strada St Ursola u nħares lejn id-dar taz-zija Mananni. Il-buri kienu jgħaddu dritt. B’zewġ kelmiet kienet taqsmek bid-daħq. Darba naf li rajtha tibki... meta miet żewgha Leli ta’ Zerreck. Ħajjet iz-zija Mananni kienet ddur ħafna mal-Katidral u ta’ l-iljun, il-pompa tal-petrol fi pjazza Savina u d-dar tagħha biswit taz-zija Dola li kienet biswit tal-bużnanna Katarin li kienet biswit tan-nanna. Tlett aħwa bniet u ommhom feles bejniethom kienu joqgħodu bieb ma bieb. Din il-viċinanza ġabet rabta naturali u sal-lum is-sekondu kuġini huma bħal kuġini u l-ikbar ħbieb.

Insomma din iz-zija Mananni kienet l-imqarba u li taqta’ t-trampi sa minn meta kienet żgħira, jekk nibdew ma nispiċċaw qatt. Meta kibret bdiet tbati mid-dimentia, pero l-mod ċajtier tagħha ma nesitux u baqa’ magħha tista’ tghid sa’ l-aħħar nifs... Iz-zija ġejja minn ġenerazzjoni akkanita fuq dak kollu li kienu jemmnu fih, speċjalment ir-reliġjon, il-politika u l-partit tal-iljun. Dik l-aqwa festa u dak l-aqwa partit kienet tgħid għal Santa Marija u ta’ l-iljun. Darba minnhom kienet Santa Marija u iltqajt magħha fit-tieqa li kellha tas-salott, kienu qed jisparaw murtali mhux ħażin u hi bid-dimentia staqsitni minn kien qed jispara, jiena għidtilha mhux ta’ l-istilla! Ma kinitx kelma għax bdiet sejra kemm kien hemm storbju, xi ksuħat kif qażżu kull ma hawn. Ma damitx għax bid-dimentia reġgħet staqsitni min kien qed jispara, din id-darba għidtilha tal-iljun! Ma kinitx kellma kemm bdiet tikkumplimenta, kemm kienu qawwijin, murtali sħaħ u sodi u l-aqwa waħda kienet meta qaltli x’melodija....!

Darba oħra ratni liebes qalziet three quarters u minn taħt l-ilsien staqsiet lil bintha Rina kemm kont kbirt u ħriġt mill-qalziet u miskin kif ommu ma xtratlux qalziet ieħor. Tista’ taħseb kemm dħaqna. Iz-zija Mannanni trabbiet f’epoka oħra fejn il-jeans ukoll kien vulgari u mhux ta’ min jintlibes...

Meta għalqet id-disgħin sena, n-nepputija tagħa Maria staqsietha kemm kienet għalqet snin, hi lventa lventa irrispondietha sittin... Maria biss biss kellha iktar minn sittin...

Iz-zija Mannani kienet tqanqal tbissima b’mod sempliċi mingħajr ħafna teatrini... meta mietet miet il-link tiegħi ma nannti li kull ma għandi tagħha ħjiel... z-zija ġgħalitni nitbissem anke f’mewtha u ma ħallitnix nibkiha għax fl-istess ħin li mietet sirt naf li bdiet ħajja oħra u li nista’ inkun missier...

Saturday, April 3, 2010

Riflessjonijiet...

L-Għid il-Kbir...

L-Għid il-Kbir għandha għalija tassew tifsira speċjali u l-funzjoni ta’ Sibt –il Għid l-iktar waħda għal qalbi u minkejja li fgat bl-allerġija xorta sejjer għax ma nkunx inrid nitlifha. U minkejja li kemmxejn twila bħala funzjoni u l-Isqof kultant bħala jitlef l-arloġġ tibqa l-funzjoni li iġġibni l-eqreb lejn il-fidi. Warajha għalija hemm dik tal-Ġimgħa l-Kbira...

Ma jfissirx li nsegwi kelma b’kelma li jkun jintqal għaliex sabiex tkun qrib il-fidi ma tistax ma terħix din id-dinja u timraħ fl-intern u fl-itqal ħsibijiet li wieħed jista’ jkollu.

Bħalissa l-knisja għaddejja minn burraxxka u minn sfidi kbar li tagħmel tajjeb taffrontahom u ma twarrabhomx kif forsi għamlet fil-passat... intenzjonalment jew le...

Iż-żgħożija...

Jumejn oħra ngħalaq tmienja u għoxrin u verament kemm jgħaddi iż-żmien... Fil-kunsill għandna żewġ gruppi ta’ żgħażagħ li vera jaħdmu u jħabirku. Dejjem emmint li ż-żgħażagħ huma ċittadini eżemplari... u dawn iż-żewġ gruppi jikkonfermawh. Hawn min jgħidli għadni żgħir u jista’ jkun pero għalija l-eta taż-żgħożija tieqaf madwar il-ħamsa u għoxrin sena kif konna nqisu l-eta għall-movimenti taż-żgħażagħ sa ftit ilu. Inkun nalludi ruħi li jekk naħseb li qisni wieħed ta’ sittax, tmintax jew għoxrin sena. Il-ħajja hija mixja u kull sena fiha l-apprezzament tagħha.

Is-sebgħa u għoxrin sena ta’ ħajti tibqa’ memorabbi għax fiha żżewwiġt, ilħaqt sindku, president tar-reġjun ta’ Għawdex u membru sħiħ tal-Kumitat tar-Reġjuni (UE). It-tmienja u għoxrin għadha ġejja u nittamaw li tkun tajba... f’kull sena niżbalja f’xi ħaġa... imma nsomma issa naraw.

Jgħidulek trid tibqa’ żgħażugħ fl-ispirtu... forsi veru pero hawn minn jużaha bħala pretest biex ma jikber qatt...

Il-politika...

Il-politika attiratni u segwejtha minn ċkuniti... f’Lulju li ġej nagħlaq sena mill-ġurament tiegħi ta’ sindku wara l-vot popolari tas-sitta ta’ Ġunju 2009. Kienet sena impenjattiva ħafna għalija u mimlija sfidi. Jidhirli li wettaqna numru ta’ inizjattivi ġodda li qed jew ser iħallu frott kif ukoll ħejjejna xi proġetti għat-tul. Irnexxielna ukoll f’disa’ xhur naqtgħu l-iżbilanċ finanzjarju il-famuż deficit b’ żewġ terzi u dan grazzi għal ammont ta’ miżuri li kellna nieħdu. Hija sena preparatorja għat-tliet snin li ġejjin... Inridu nagħtu rendikont ta’ ħidmietna... Żgur li baqa’ x’inwettqu... Nispera li qed inkunu ċari fil-viżjoni tagħna...

Wednesday, November 18, 2009

Ġentlom...

Mhux ser jinkitbu bijografiji fuqu, u probabli lanqas ser jitnaqqax ħafna irħam u jissemmew triqat, pero persuntu, il-karattru u kliemu ser jibqgħu jidwu f’widnejna aħna l-kandidati u kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista. Il-partit li Pawlu tant ħabb u ta sehem fih.

Jiena lil Pawlu m’ilnix nafu snin, anzi sirt nafu xi sena u nofs ilu meta ġie ikellimni sabiex nikkonsidra nikkontesta għall-Kunsill Lokali tar-Rabat wara assenza ta’ tliet snin mix-xena. Jiena ma Pawlu tkellimt open qisni ilni nafu snin, kont komdu ħafna nitkellem miegħu. Ma qagħadx iġenninni jew jiksini xema jew jgħammixni bil-bżar. Kien ċar daqs il-kristall u meta tlabtu ftit ħin tahuli mingħajr ma qaghad idejjaqni jew jiffitta. Kont qed nitkellem ma raġel u fuq kollox ma ġentlom.

Kien ta’ ftit kliem pero meta jitkellem jaf x’inhu jgħid u jaf fejn irid jasal. Ma tantx domna biex sirna ħbieb u ma nafx min ma setax isir ħabib ma Pawlu. Kont inqisu ta’ ġewwa. Fil-pożizzjoni li kellu pero ma setax jingħoġob ma kulħadd, u Pawlu lanqas ried jingħoġob, l-abjad kien jgħidlu abjad u l-iswed iswed, fi kliemu stess: “ma tantx inħobb nomgħodha” u jekk kellu xi diffett żgur li ma kienx tad-djuq...

Ħalliena ħabta u sabta u bqajt imbellah, sal-ġurnata ta’ qabel konna għadna qed nikkomunikaw ma xulxin...imblajt meta Frederick ċempilli jgħidli: “ser intik aħbar ħażina...” u tassew kienet ħażina; ilni mis-Sibt ma nistax inneħħih minn moħħi.. imma Pawlu nistħajjlu jgħidilna “u ejja ħallik minn dan aħdem, suq u mexxi...”

Pawlu ta’ ħinu u saħħtu kollha għal Partit Nazzjonalista, partit li huwa kbir għax għandu nies ispirati u ddedikati bħal Pawlu Aquilina.... il-pariri li tani Pawlu jibqgħu miegħi tul iz-żmien.... Ġentlom ma għandu jintesa qatt...

Monday, October 19, 2009

Memorji...

Dan l-aħħar kelli ftit esperjenzi li nissluli memorji indimentikabbli u ħallejt lil moħħi jimraħ u jitpaxxa bil-memorji li ċertu postijiet iqanqluli...

Nammettuha illi kull meta nkunu l-knisja mhux dejjem noqghodu attenti għal dak kollu li jkun jingħad miċ-ċelebrant u ġieli kont paninġierku ta’ festa u moħħi beda jterraq lil hinn milli jkun qed jgħid l-Isqof tagħna (bla ebda disrispett lejh) u malajr neħel ma xi pittura jew gandlier u narma niflih qisni sejjer nagħmel xi dokumentarju u minn hemm nitlaq ukoll għal spazji oħra sakemm in-nies tibda iċċapċap u nerġa niġi lura lejn id-dinja tagħna, lejn is-sħana li jkun hemm fil-knisja, lejn Giovanna (il-ministru) ħdejn il-mara trewwaħ bl-imrewħa, lejn l-frustrazzjoni li tkun liebes illamtat qisni figolla fil-cling film fil-vetrina u lejn rasi miexja mal-stirar kon tiwu tal-fan u nibda ngħanni l-Kredu tagħna biex f’mument ta’ rafforzar tal-fidi naljena lili nnifsi mis-sħana u l-foga.

Wara imbagħad tiltaqa’ ma dak u ma l-ieħor tirrepeti l-istess ħaġa (xi kultant) qisni xi pappagal kulurit kif kien ikun hemm Marsalforn quddiem lukanda partikulari (mingħajr ma nagħmel reklami)...

U propju Marsalforn telqu l-memorji tiegħi meta erġajt invistajt lil post marbut ma Ġanġu tal-boċċi...meta kont iżgħar u kelli ħafna ħin xi nqatta l’hawn u l’hinn speċjalment fis-sajf kont inmur ngħum quddiem il-pitches ta’ Ġanġu tal-boċċi... il-Qbajjar –il ġew... taħt il-batterija tax-Xwejni jew inkella ir-Rook, taħt il-Qolla l-Bajda (le mhux is-safra) u quddiem baħar mill-iktar ċar mimli blat u li għalih l-aħjar li tinżel minn taraġ wiesa mħux ħażin.. forsi mill-iktar baħar ċar ta’ Għawdex... u hemmhekk kont ngħum mal-ħbieb tal-infanzja fosthom Jason ta’ Gannmarija u Mario ta’ Karmnu ta’ Pietru Pawl li f’ħajti meta kont żgħir u anke wara kienu jfissru ħafna u li tlift, is-sikta tal-mewt ma ħafritilhomx...

Dan il-post meta għalaqt qisu l-ħmistax il-sena għalija ingħalaq f’ time capsule li ma nfetħet qatt iktar u ilni minn daqshekk ma ngħum f’ dak il-baħar...

Ġanġu kien bniedem imbaċċaċ miż-Żebbuġ, li kien jieħu ħsieb il-pitches tal-boċċi... u martu li nsejt x’ jisimha li fit-tlieta u fil-ħamsa kienet toħroġ bil-gabirre bil-kafe u te bil-lumi fit-tazzi li jiena nsejħilhom tat-tapie f’ simetrija perfetta. U dak il-kafe (meta hadtu) kien jinzilli għasel. Jiena mort daqs xahar ilu mingħalija li ħa nisb lil Ġanġu tal-boċċi iżda floku sibt irħama li tirrakkonta l-mewta tiegħu u xejn iktar, il-mara bit-tazzi ma għadiex hemm u lanqas Duke dak l-alsation li kien ġar ta’ Ġanġu u li kien sabiħ immens...

U la bdejt il-paninġierki u l-festi tajjeb li nispiċċa bihom... ħadt gost meta ġejt mistieden mill-patrijiet tal-kapuċċini allura fejn trabbejt jiena qabel tlaqna għal ta’ Gedrin għal festa tal-Madonna tal-Grazzja li hija l-aħħar u l-iżgħar festa fil-kalendarju ta’ festi tas-sajf f’Għawdex...

Il-paninġierku għamlu l-Isqof Cauchi b’ dik id-daħka tiegħu, il-kwotazzjoni bil-latin li kien qal San Bernard u bil-lixka li twassalna għal Sant Elisabbetta l-patruna ta’ l-Għarb, raħal twelidu, niżilli għasel. L-Isqof Cauchi f’ dik is-sempliċita tiegħu isaħħrek tisimgħu sa l-aħħar daqs kemm jaf ikun provinċjali jaf ikun profond... u wara ħadna l-kafe u konna xraqna bid-dahk biċ-ċajt li għalihom l-Isqof Cauchi huwa tant magħruf... u t-Times of Malta ġabitna fl-iktar moment solenni u ma nitbissmu xejn u urietni għal darb’ oħra li l-media mhux dejjem tirrifletti l-veru lanqas l-atmosfera fuq tazza kafe jew kikkra te....