Friday, August 20, 2010

Meta x-xemx tmiss mal-ilma u ttextex…

Meta kont żgħir u kien jiġi z-ziju Ġiġi mill-Awstralja, l-familja kienet tkun f’għors sħiħ. Preparamenti, fejn ser joqgħod, għand min ser jiekol, fejn ser noħduh u x’ karozza ħa nlestulu… Iz-ziju Ġiġi emigra imma saqajh baqgħu ankrati hawn. Huwa u l-mara, z-zija Mananni u l-kuġini Manuel, Miriam u Terry konna narawhom mħux ħażin minkejja l-bogħod.

Iz-ziju Ġiġi kien figura paterna għal ħutu u għalina, kienet persuna li tgħaqqad u tibbilanċja u l-kelma tiegħu ma mar ħadd lura minnha. L-aħħar li rajtu kien meta ġie jara lil zija oħra Ċettina li kienet waslet f’ xifer il-mewt bil-marda li kellha. Sa sena u ftit wara kellu jitlaq hu ukoll fl-istess ġurnata li miet missieru, in-nannu Salvu – s-sebgħa ta’ Jannar, flok epifanija u rigali, il-familja ġarrbet darbtejn telfa kbira. Bħallikieku l-elfejn u ergħba bil-qtil makabru ta’ Lino, il-mewt taz-zija Cettina, u tan-Nanna Giuseppa ma kienux bizzejjed, sena kwieta imbagħad il-mewt tiegħu għal għarrieda fil-bidu tal-elfejn u sitta.

L-istess għal għarrieda seħħet il-mewt ta’ ibnu l-kuġin il-kbir Manuel li kien hawn għal btala, ġie għal Santa Marija li ma rax. Ra l-istatwa ta’ Kristu Irxoxt li ħallas hu biex ra l-għada l-Irxoxt innifsu… Ta’ tmienja u erbgħin sena telaq u ħalliena bla ma qal jew vaża lil ħadd hekk ħabta u sabta bħal missieru… bla kliem u sliem… fil-familja Ta’ Dovik kultant hija abitudni li tkun titkellem u imbagħad tagħlaq argument u ftit wara tallarga u titlaq u lil min tħalli jibqa’ jistaqsi kif dan telaq bla hoss, donnu fil-mewt uħud minna hekk ukoll hemm miktub għalihom.

Manuel kien il-kuġin il-kbir, s-sinċerita tiegħu, l-wiċċ ahmar tiegħu u dik d-daħka huma sintomatiċi maz-ziju Ġiġi u jekk insemmi lilu ma nistax ma nsemmix z-ziju Ġiġi. Kien jixbħu fil-karattru ghalkemm fil-forma taz-zija Mananni.

Iz-ziju Ġiġi kellu appartament fil-parti ta’ ġewwa tal-Qbajjar, kellu veduta stupenda minn wara ta’ baħar biss mingħajr bini invażiv li jgħatti l-veduta. Iz-ziju Ġiġi kien iħobb jiċċaċra u kien iġibhom ma nafx minn fejn bħal meta kien jgħidli quddiem iz-zija Mananni li hi kienet tittantah fl-għerusija u mhux hu, li kienet toqgħod issaffarlu… u hi tgħidlu mur ‘l hemm….

Darba kont għandhom Marsalforn u kien inżul ix-xemx u qalli inix nisma’ ħoss, jien ta’ tifel li kont ftaħt par widnejn u għidtlu li ma kont qed nisma’ xejn, qalli ‘ismagħha ttextex’ u jien għidtlu ‘xiex?’ Qalli: ‘Ix-xemx, messet mal-ilma’…

No comments:

Post a Comment